Wara ż-żjara li għamlet fid-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali, Dr Lydia Abela elenkat numru ta’ punti li għandhom jiġu indirizzati fiż-żmien li ġej.
Fost oħrajn, mart il-Prim Ministru saħqet li għandu jitħejja pjan komprensiv li jkopri titjib fil-faċilitajiet fl-Għammieri.
Dr Abela sostniet li bidliet fil-liġi huma meħtieġa fir-rigward tal-kundizzjonijiet li jinżammu fihom l-annimali f’pajjiżna bil-għan li jitjieb il-livell t’għexjien tal-annimali.
Dan filwaqt li hi esprimiet ix-xewqa li l-awtoritajiet jingħataw aktar riżorsi sabiex ikunu jistgħu jinfurzaw il-liġijiet.
Hi qalet li dawk l-individwi li jagħmlu rapport għandhom jibqgħu aġġornati kontinwament.
Dr Abela wegħdet li ser tkompli taħdem flimkien mal-għaqdiet mhux governattivi u l-Gvern sabiex id-drittijiet tal-annimali jkomplu jitjiebu.