Lin Han, Ċiniża ta’ 39 sena li toqgħod il-Ħamrun kienet ikkundannata ħames snin ħabs wara li seba’ snin ilu ġiet mixlija bi traffikar uman, li kienet tmexxi burdell u talli kienet tgħix minn fuq qligħ ġej mill-prostituzzjoni.
Waqt l-investigazzjonijiet tagħhom il-pulizija kellmu madwar mitejn klijent u waqt tfittxija fil-post fejn kienet tmexxi n-negozju tagħha, il-pulizija sabu tliet nisa Ċiniżi, kontraċettivi u karozza lussuża fost oħrajn.
Waħda mit-tliet nisa stqarret li l-akkużata u l-familja tagħha kienu ħadulhom il-passaporti, ġiegħluhom jiffirmaw kuntratt u kienu soġġetti għal theddid kontinwu.
Il-Maġistrat Astrid May Grima ordnat li jiġu konfiskat l-€24,000 fi flus kontanti li nstabu fir-residenza tal-akkużata.
Il-Qorti imponiet ukoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittmi.