Illum sar l-iffirmar tal-ftehim kollettiv li se jiġi fis-seħħ għall-ħaddiema fi ħdan l-Aġenzija għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet.
Dan hu l-ewwel ftehim kollettiv li ġie ffirmat bejn il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet u l-General Workers’ Union, u se jservi sabiex jagħti aktar stabbiltà lill-ħaddiema u jkabbar ir-relazzjoni bejn il-unjin rappreżentattiva u l-ħaddiema fi ħdan l-istess aġenzija.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri tkellem dwar kif il-Gvern huwa determinat li jkompli jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.
Huwa stqarr li dan hu wieħed minn diversi ftehimiet kollettivi li bħala Ministeru kien qed jiġi diskuss. Tenna li jħossu sodisfatt li ntlaħaq dan il-ftehim u se jħares ’il quddiem jintlaħqu ftehmiet oħrajn.
Il-Ministru Camilleri sostna li l-Gvern jirrikonoxxi u japprezza l-impenn li jagħtu l-ħaddiema lejn pajjiżna u l-entitajiet li jaħdmu fihom
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat enfasizza l-importanza ta’ inizjattivi bħal dawn fejn jingħata rikonoxximent lir-riżors uman tal-aġenzija. Dan bil-għan li tiżdied l-motivazzjoni u l-impenn sħiħ tal-ħaddiema filwaqt li tkun assigurata l-ogħla kwalità fis-servizzi li jingħataw, liema servizzi jkunu aħjar u aktar mifruxa.
Alex Muscat saħaq li permezz ta’ dan il-ftehim kollettiv se jitjiebu l-kundizzjonijiet sabiex jirriflettu aktar ix-xogħol speċjalizzat li jagħmlu dawn il-ħaddiema. Is-Segretarju Parlamentari kompla jgħid li l-ħaddiema se jingħataw aktar opportunitajiet sabiex javvanzaw fil-karriera tagħhom u iktar opportunitajiet ta’ xogħol minħabba r-ristrutturar tal-gradi.
Huwa qal li dan il-ftehim se jkun qed joffri żieda fil-pagi, żieda fl-inkrementi annwali, kif ukoll se jitjiebu l-miżuri favur il-familja, fejn il-ħinijiet se jkunu aktar flessibbli.