Il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista skartat għal kollox talba li għamel il-Viċi Kap Robert Arrigo biex l-elezzjoni għal Kap ġdid tiġi sospiża. Arrigo għamel it-talba tiegħu permezz ta’ ittra mibgħuta lill-President tal-Kunsill Ġenerali. Fiha qallu li t-tesserati, speċjalment anzjani, jinsabu inkwetati dwar saħħithom u li din l-elezzjoni hija attività tal-massa li se tesponihom għal riskji serji. Il-Viċi Kap Nazzjonalista saħansitra tenna li għal din l-elezzjoni ma sarx l-eżerċizzju tal-assessjar tar-riskju.
Arrigo għamel din it-talba ftit tas-sigħat biss wara li Bernard Grech, wieħed miż-żewġ kandidati fit-taqtigħa għall-post ta’ Kap ħabbar li daħal fi kwarantina wara li martu ttestjat pożittiva għall-COVID-19.
Madankollu l-kamp ta’ Bernard Grech ukoll skarta din l-idea u tenna li l-Partit Nazzjonalista għandu bżonn jagħlaq dan il-perjodu ta’ inċertezza mill-aktar fis possibbli. Fi stqarrija l-Kummissjoni Elettorali mmexxija mill-avukat tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil, Peter Fenech qalet li t-talba ta’ Robert Arrigo hija bla bażi. Il-Kummissjoni elettorali sostniet ukoll li l-fatt li mart wieħed mill-kandidati nstabet pożittiva ma tbiddel xejn.