Tliet ġuvintur li l-età tagħhom tvarja bejn id-19 u l-21 sena qed jinżammu fil-kustodja tal-Pulizija wara li kienu arrestati b’rabta ma’ serq ta’ fjuwil minn pompi tal-petrol bejn Marzu u Ġunju 2020.
Investigazzjonijiet fit-tul mill-Iskwadra tar-Reati Maġġuri ħallew il-frott wara li ġew identifikati t-tliet persuni li allegatament wettqu dawn is-serqiet.
Fl-aħħar sigħat il-Pulizija arrestat ġuvni ta’ 19-il sena li joqgħod iż-Żejtun. Irriżulta li f’diversi ġranet f’Marzu 2020, huwa allegatament seraq fjuwil minn pompa fi Triq il-Belt Valletta, fiż-Żurrieq.
Dan filwaqt li flimkien ma’ żewġ ġuvintur oħra ta’ 21 sena minn Bormla u Ħal Qormi rispettivament, f’diversi ġranet f’Ġunju, allegatament wettaq serq minn pompa oħra fi Triq Aldo Moro, l-Marsa.
Minn aktar investigazzjonijiet li saru rriżulta li ż-żewġ ġuvintur allegatament kienu kompliċi fis-serq ta’ fjuwil mill-pompa tal-Marsa.
Irriżulta wkoll li l-ġuvni ta’ 21 sena li joqgħod Bormla, saq karozza mingħajr liċenzja.
Huma mistennija jitressqu l-Qorti dalgħodu quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Josette Demicoli.