Il-Budget għas-sena d-dieħla ser jerġa’ jara żieda oħra fil-pensjonijiet, filwaqt li l-għajnuna marbuta mal-pandemija ser tibqa’ għaddejja sakemm l-affarijiet jerġgħu imorru lura għan-normalità.
Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna, indirizza sessjoni ta’ konsultazzjoni qabel il-Budget ta’ din is-sena fejn b’mod virtwali l-pubbliku seta’ jagħmel il-mistoqsijiet tiegħu.
Il-Ministru Scicluna stqarr li rridu ekonomija li tkompli tkabbar il-ġid imma ttejjeb l-istil ta’ ħajja tal-Maltin u Għawdxin. Dan wara li dan iż-żmien tal-pandemija kompla joħroġ l-importanza li t-tkabbir ekonomiku jkompli jsarraf f’titjib fl-istil ta’ ħajja tan-nies.
Dwar il-pensjonijiet il-Ministru għall-Finanzi stqarr li dan il-Gvern ser ikompli jissostanzja l-pensjonijiet. Huwa nnota wkoll li l-Gvern huwa dak li jamministra t-taxxi tal-poplu iżda stqarr li l-Gvern fl-aħħar snin kien bil-għaqal u għalhekk ser ikun qed juża dak li ġemma sabiex l-ekonomija tinżamm għaddejja u wara l-ħajja tkompli b’mod normali. Stqarr li l-Gvern mhux ser ikun qed jirrikorri għal taxxi ġodda f’dan iż-żmien.
Fuq il-pensjonijiet huwa spjega li dawn m’humiex baxxi iżda f’pajjiżna għandek sitwazzjonijiet fejn koppja qed tgħix fuq pensjoni waħda u għalhekk il-Gvern ser jara kif jindirizza din il-problema. Fil-Budget li jmiss, il-Ministru Scicluna stqarr li dan il-Gvern ser ikompli fuq iż-żidiet li għamel f’dawn l-aħħar seba’ snin konsekuttivi.
“Kull sena wieħed jistenna żidied. Aħna qed nagħmlu l-istess ħaġa, nħabbruha fil-budget li ġej, pero l-pensjonanti moħħhom mistrieħ li dan il-Gvern qatt ma nesiehom.”
Il-pandemija hija sitwazzjoni temporanja u għalhekk stqarr li l-għajnuniet għan-negozji huma mmirati sabiex wara l-Covid kollox jirritona għan-normal.
Fuq skemi preżenti bħal dik tat-tnaqqis fit-taxxa tal-boll għal dawk li jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom, huwa stqarr li l-Gvern m’għandu l-ebda ħsieb li dawn l-iskemi jitwaqqfu.
Meta mistoqsi jekk dan il-Gvern hux ser ikompli jkun hemm għall-ħaddiema u l-familji f’dan iż-żmien tal-pandemija, il-Ministru nnota li l-iskema tal-għajnuna fil-pagi hija indirizzata biex tgħin lil dawn l-istess familji. Qal li l-għajnuna ser tibqa’ f’miżuri ġodda mħabbra fil-budget. Spjega kif l-budget se jdaħħlana f’fażi oħra ta’ għajnuna, u dan wara l-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika ta’ disa’ mitt miljun ewro li kien ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela f’Ġunju li għadda.
“Il-Gvern qed jagħti kelma illi ser ikompli jassisti lis-settur privat, lill-familji, lin-negozji, sal-aħħar. Mhux ser nitkellmu b’xahar, Ottubru, Diċembru, Marzu le sal-aħħar. Sakemm jiġu l-affarijiet lura għan-normal.”
Dwar Għawdex stqarr li din il-gżira irnexxielha żżomm lilha nnifisha attraenti, iżda minħabba d-distanza li hawn bejn Malta u Għawdex in-negozju barrani għadu jippreferi jinvesti f’Malta milli fil-gżira Għawdxija. Huwa permezz ta’ proġetti li jnaqsu l-ispiża u l-iskariġġ tat-traġitt li din il-problema tista’ tkun indirizzata. Spjega kif ma jkunx jagħmel sens jekk il-gżira tat-tliet għoljiet tkun imċaħħda minn ċertu żvilupp.
Qal li l-ambjent ser ikun prijorità fil-budget għas-sena d-dieħla u anki se jintużaw fondi Ewropej li ġew allokati għal Malta mill-fond ta’ rkupru.