Din l-istorja ta’ Miguel Refalo minn Għajnsielem, u Inese Podniece mil-Latvja.
Iltaqgħu fl-Ingilterra lura fl-2011 meta Miguel kien qed jaħdem bħala cabin crew mar-Ryanair, u Inese kienet qed tistħarreġ għall-istess impjieg.
“Jien u kollega tiegħi għamilna mħatra bejnietna bħala ċajta, fejn sfidajna lili xulxin nagħżlu isem ta’ tfajla minn fuq il-lista ta’ dawk li kienu qed jistħarġu, u noħorġuha għal drink.” – Miguel
Mingħajr qatt ma raha, Miguel għażel lil Inese.
Meta mar id-dar, għelbitu l-kurżità u fittixha fuq Facebook, fejn bagħtilha messaġġ biex jipprova jittanta xortih.
Inese għażlet karriera oħra, iżda d-destin xorta kellu jlaqqagħhom.
F’Jum San Valentinu tal-2011 iltaqgħu ħdejn stazzjon tal-ferrovija fl-Ingilterra, u minn dakinhar ’l hawn, qed iduru d-dinja flimkien.
Kienet ġurnata ftit jiem wara li l-koppja ltaqgħet għall-ewwel darba, meta raw kwotazzjoni fuq rivista li kienet tgħid hekk “Id-dinja hija ktieb. Dawk li ma jivjaġġawx jaqraw biss paġna waħda.”
“B’ħarsa waħda lejn xulxin, fhimna eżattament dak li minn dejjem xtaqna nagħmlu – li nduru d-dinja. U minn dakinhar ’l hawn qbadna naħdmu biex il-ħolma ssir realtà.” – Miguel
Ġew jgħixu Malta biex ikunu jistgħu jaħdmu u jfaddlu, u flimkien jibdew vjaġġ biex jiltaqgħu ma’ nies ġodda u jassorbu l-kultura differenti li taf toffri din id-dinja tant kbira.
Il-vjaġġ tagħhom beda f’Diċembru tal-2014, fejn bdew f’pajjiżi fl-Ewropa bħall-Irlanda, Franza u l-Iżvezja.
Imbagħad l-avventura kompliet f’pajjiżi bħall-Ġordan, l-Armenja, l-Iran, is-Sri Lanka, il-Mongolja, il-Ġappun, it-Tajwan, il-Filippini, il-Vjettnam, il-Kambodja, it-Tajlandja, Singapor, il-Malażja, l-Indoneżja u l-Awstralja.
Bħalissa jinsabu fi New Zealend għal working holiday fejn qed jaħdmu biex ifaddlu, ħalli jkunu jistgħu jkomplu bl-avventura.
Dawk kollha li jixtiequ jkunu parti mill-vjaġġ ta’ Miguel u Inese jistgħu jsegwuhom fuq il-paġna Facebook www.facebook.com/TurningPagesPage.