Kieku kien hemm ftit ġenwinità fl-Oppożizzjoni, l-appoġġ kienet turih fiż-żewġ okkażjonijiet li fihom kandidat Malti kien qed ifittex appoġġ mal-gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew. Għat-tieni darba l-Oppożizzjoni kisret tradizzjoni li kienet ilha mill-2003 li l-Oppożizzjoni tingħaqad mal-Gvern u jaħdmu attivament favur l-interessi Maltin meta tiġi nomina Ewropea.
Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li Simon Busuttil u l-Partit Nazzjonalista jafu sew li Oppożizzjoni Laburista ħadmet favur kandidati bħal Josef Bonnici, Louis Galea, John Dalli u Tonio Borg – kollha eks-Ministri Nazzjonalisti b’allegazzjonijiet fil-konfront tagħhom personalment – biex jieħdu l-kariga li għalihom kienu qed jiġu nominati minn Gvernijiet Nazzjonalisti. Fl-ebda każ l-Oppożizzjoni ta’ dak iż-żmien ma kienet ikkonsultata.
Issa li Simon Busuttil qiegħed fl-Oppożizzjoni, irid idawwar ir-rotta għax hekk mingħalih jaqbillu għall-partit. Id-deċiżjonijiet iżda jittieħdu mill-Gvern. L-Oppożizzjoni tieħu d-deċiżjonijiet tagħha skont jekk hux fl-interess partiġġjan jew ta’ pajjiż sħiħ. Imbagħad il-poplu jiġġudika.
Jekk wieħed jifli il-questionnaire li Leo Brincat kien bagħat lill-Kumitat tal-Kontroll tal-Budget li għadda mill iskrutinju tiegħu kif wkoll dak li staqsieh fil-hearing id-deputat Ewro Parlamentari Fillandiż tal-EPP x’kien ser jagħmel quddiem id-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, Brincat qal li kien ser jirrispetta din id-deċiżjoni jekk din tkun ibbażata fuq kriterji tal-kompetenza u integrità tiegħu. Fil-każ ta’ Leo Brincat, ma kien hemm ħadd li qajjem mistoqsijiet fuq l-integrità u l-kompetenza personali tiegħu la qabel, la waqt u lanqas wara d-deċiżjoni tal-Kumitat.
Issa Leo Brincat joqgħod għad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri li għandha l-irwol deċiżiv li tapprova n-nomina ta’ stat membru.
Imma għal Simon Busuttil l-interess partiġġjan reġa’ ġie qabel l-interess nazzjonali. Il-poplu jieħu kont ta’ dan l-aġir u ma jafdax lil min jagħmel ħsara lil pajjiżu stess.