Waqt konferenza virtwali tal-Commonwealth dwar l-avvanz lejn il-futur b’teknoloġiji emerġenti u intelliġenza artifiċjali, il-Ministru fi ħdan l-uffiċċju tal-Prim Ministru responsabbli għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg, Carmelo Abela saħaq dwar l-importanza li l-ħaddiema Maltin jimxu id f’id mal-avvanz teknoloġiku.
Il-Ministru Abela qal: “Biex aħna nkomplu ninvestu u kif aħna f’dan il-pajjiż inkomplu nagħmluh aktar diġitali billi noħolqu aktar opportunitajiet ta’ xogħol f’dan il-qasam. Naturalment lil hinn mill-istrateġiji u lil hinn mill-pjani tal-Gvern huwa importanti li jkun hemm l-assistenza meħtieġa fil-qasam edukattiv fejn dan huwa essenzjali biex naturalment inħarġu l-ħaddiema tal-lum u t’għada.”
Fl-intervent tiegħu l-Ministru Abela enfasizza wkoll dwar id-dritt tal-mistrieħ, fejn il-ħaddiema ma jirċivux komunikazzjoni relatata max-xogħol waqt il-ħin liberu tagħhom lill hinn minn fuq il-post tax-xogħol.
Huwa sostna: “Fl-aħħar mill-aħħar naraw ukoll li dawk il-ħaddiema li jkunu qed jaħdmu fil-qasam tal-AI u tad-dinja diġitali dawn ukoll ikollhom id-dritt għall-mistrieħ tagħhom, u allura rridu nitkellmu fuq il-kunċett ta’ the right to disconnect li ħaddiem mhuwiex mistenni li jibqa’ qisu impjegat il-ħin kollu.”
Il-Ministru analizza kif f’dawn l-aħħar xhur il-pandemija ġabet sfidi magħha, iżda wkoll ħolqot opportunitajiet ukoll; fosthom kif l-użu tat-teknoloġija tista’ tqarreb in-nies aktar viċin. Opportunità li fi kliem il-Ministru Abela, tagħti lill-erbgħa u ħamsin pajjiż iċ-ċans li jassiguraw li t-tnejn punt erbgħa biljun ċittadin, jiġifieri terz tal-popolazzjoni globali, biex jaħdmu eqreb lejn xulxin f’dinja li kull ma jmur qed issir aktar globalizzata.