Fi żmien ta’ konnettivita’ qawwija fid-dinja, l-arti tipprovdi kalma fir-ruħ li l-bnedmin tal-lum tant għandhom bżonn. Il-festival tax-xjenza u l-arti, ix-Xjenza fil-Belt 2016 li jmiss, se jittrasforma tagħrif abbuntanti f’taħlita mingħajr limitu ta’ xjenza u studji umanistiċi.
Il-Festival hu l-ikbar tentattiv li qatt sar s’issa mill-organizzaturi biex ilaqqgħu artisti u xjentisti flimkien u jgħinu lil xulxin fl-oqsma tagħhom. Ix-Xjenza fil-Belt 2016 li ser isir fit-30 ta’ Settembru ser ikollu “Il-Moħħ” bħala tema.
“Sew jekk naħdmu f’laboratorju jew barra minnu, ’l hinn miz-zoni komdi tagħna, nistgħu lkoll noħolqu fehmiet u ideat ġodda dwar il-progress artistiku, xjentifiku, u soċjali,” qalet Angele Galea, konsulent artistiku tax-Xjenza fil-Belt 2016.
“Il-Festival ta’ din is-sena hu mimli b’xogħolijiet artistiċi u relatati max-xjenza. Per eżempju, Pjazza San Gorġ fil-Belt se tkun trasformata fi “Pjazza tal-Moħħ” u kkaratterizzata b’xogħolijiet differenti tal-arti, xjenza u wirjiet.”
L-attivitajiet fil-Pjazza tal-Moħħ jinkludu żifna msemmija Kummettiva, li hi żifna tradizzjonali b’movimenti li juru tfixkil ikkawzat mill-marda tal-Alzheimer. Din se tkun ippreżentata minn Paul Curmi Dance company. “Brainrave” hu proġett fejn il-viżitaturi jkunu jistgħu jikkontrollaw mużika u stampi billi jużaw biss il-ħsieb u se jkun ippreżentat mill-artisti u inġiniera tal-ħoss Andrew Schembri u Toni Gialanzé. L-istaff tal-Isptar Monte Carmeli se juru mudell kbir ta’ ras ta’ bniedem biex jispjegaw l-evoluzzjoni tal-psikjatrija. L-artist Raphael Vella se jippreżenta Cortex, stallazzjoni tal-arti ispirata minn newroxjenza u studji xjentifiċi komparattivi dwar imħuħ ta’ mammiferi differenti (maħluqa bl-assistenza u l-parir xjentifiku tal-Prof Mario Valentino) u l-Fondazzjoni Richmond għandha wirja tal-arti b’xogħol magħmul minn uħud mill-membri.
Fi Triq ir-Repubblika, l-Moveo Dance Company ser tippreżenta l-proġett “Trust Me” b’movimenti ispirati minn Romborg’s Test. Dan hu eżami fejn jiddetermina l-limiti tal-bilanċ.
Hekk kif l-interattivita’ hi l-karatteriska tal-festivals ix-Xjenza fil-Belt, tfal zgħar se jkunu jistgħu jieħdu pjaċir f’għadd ta’ attivitajiet u logħob ta’ Xjenza fi Spazju Kreattiv ta’ St James Cavalier. Tfal ta’ ’l fuq minn erba’ snin jistgħu jieħdu sehem f’workshops Kids Dig Science fejn jitgħallmu kif l-imħuħ tagħhom jaraw id-dinja. Dawn il-workshops isiru fl-Studio Room. Fiċ-Ċinema se jintwerew żewġ xows tal-pupazzi Inside Out fis-6pm u fit-8pm, filwaqt li l-istorja ta’ Marie Curie minn S-Cubed se tkun fis-7pm.
Il-grupp Teatru Anon se jippreżenta “I’m Still Here”, storja ta’ mara f’battalja ma’ kundizzjoni li qed thedded ħajjitha, għax tkun qed tbati bid-dimensja. Din tintwera fis-6.30pm, b’ripetizzjonijiet fit-8.00pm u fid-9.30pm fit-Teatru ta’ St James Cavalier. Filwaqt li fiċ-Ċinema, CineXjenza se tippreżenta l-film “Still Alice” (jittratta dwar il-marda tal-Alzheimer) fid-9.00pm, u wara l-film se jkun hemm diskussjoni ma’ Dr Charles Scerri.
Il-band alternattiva tal-indi art rock Funk Initiative se ddoqq xogħolijiet tagħha f’serata esperimentali bl-isem Cartographers, li hi ispirata mir-reflessjonijiet ta’ newrologi, psikoanalisti, u poeti. L-ewwel xow ikun fit-8.00pm b’ripetizzjoni fl-9.45pm fi Pjazza Teatru Rjal. Bejn iż-żewġ xows l-udjenza tista’ tiltaqa mal-mużiċisti Gianluca Bezzina, Paul Torpiano, Shaun Abdilla, Christopher Tate, Luke Grech, Fabian Bonello, Daniel Buttigieg fiz-zona 3a Meet the Researchers.
Fid-Daħla tal-Belt, se jkun hemm erba’ skulturi antropomorfiċi li juru l-evoluzzjoni tas-sistema nervuża f’annimali differenti – proġett magħmul mill-artista Liliana Fleri Soler (kif jidher fir-ritratt tal-ġenb)
Ix-Xjenza fil-Belt Valletta hu parti minn Lejlet ir-Riċerkaturi Ewropej u jikkoinċidi ma’ aktar minn 300 attività oħra li qed isiru madwar l-Ewropa. Hu organizzat mill-Università ta’ Malta, l-Kamra Maltija tax-Xjentisti, il-Fond tar-Riċerka (RIDT), flimkien ma’ diversi msieħba.