L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Infermiera fil- Komunita (MMDNA) se tkun qed taċċerta li l-pubblikazzjonijiet tagħha ma jintilfux.
F’ċerimonja, l-Assoċjazzjoni rregalat l-arkivji tagħha lid-Dipartiment tal-Libreriji u l-Kollezzjonijiet Speċjali fi ħdan l-Università ta’ Malta.
Iċ-chairperson tal-MMDNA Grace Jaccarini saħqet li d-dokumenti jmorru lura aktar minn 70 sena u jagħtu harsa lejn l-aktar mumenti importanti fl-istorja ta’ din l-Assoċjazzjoni, fosthom minuti ta’ laqgħat, diskorsi u anke rapporti annwali.
“Issa li għal ħafna ħaddiema, l-MMDNA ħa tkun memorja, importanti li s-soċjetà tkompli tirrikonoxxi l-għajnuna li hemm bżonn issir, l-aktar lejn l-anzjani tagħna.”
Apparti minn hekk, l-assi tal-kumpanija se jkunu mgħoddija lejn diversi benefiċjajri, fosthom lil djar tal-anzjani u persuni b’diżabilità.
Il-Pro Rettur Carmen Sammut esprimiet is-sodisfazzjon tagħha hekk kif dawn id-dokumenti dalwaqt se jkunu aċċessibli għall- pubbliku għar riċerka. Fi kliemha, se jkunu teżor fil-kampus.