‘Jien u Int’ hija l-kanzunetta rebbieħa tal-Għanja tal-Poplu 2020 interpretata mill-kantawtriċi Marilyn Aquilina li fiha esprimiet l-emozzjonijiet u s-sentimenti personali li jidwu f’relazzjoni ma’ xi ħadd li diġà bena ħajt madwaru.
Dan filwaqt li l-kanzunetta ‘Sant’ Antnin’ ikklassifikat fit-tieni post u d-diska ‘Sakemm Sibt Garaxx’ ġiet fit-tielet post u ġew interpretati minn Rita Pace u Sarah Micallef Muscat rispettivament.
Il-festival din is-sena ħa xejra ġdida hekk kif il-palk kienu t-toroq u x-xena pittoreska tal-bliet li jdawru l-Port il-Kbir.
Id-Duo ta’ Kemmuna Airways irritornaw bil-kanzunetta ‘Il-Ħass u l-Basal’ u rebħu l-premju għall-interpretazzjoni. Dan filwaqt Mark Cachia bid-diska ‘Normalità Ġdida’ rebaħ il-premju għall-aħjar tema soċjali. Jean Claude Vancell rebaħħ il-premju għall-aħjar kantawtur bil-kanzunetta ‘F’Dirgħajk’.