Il-Kap tal-Oppożizzjoni llum kompla jikkonferma mhux biss li huwa politiku elite, iżda li b’mod sistematiku qed jaħdem kontra l-interess tar-residenti tan-nies tas-South, wara li aktar kmieni llum ma kellu xejn xi jgħid fuq l-inkonvjenzi li jafaċċjaw ir-residenti tal-Kottonera minħabba t-tarzna ta’ Palumbo.
Fi stqarrija l-Partit Laburista spjega li Simon Busuttil mhux biss kien insensittiv għar-realtajiet li jħabbtu wiċċhom ta’ kuljum fosthom l-istorbju u t-tniġġiz partikolarment minħabba l-grit blasting, iżda biex ipoġġi aktar melħ fuq il-ferita faħħar dak li sejjaħ “standards ambjentali” għoljin tal-kumpanija, minkejja li saħansitra r-residenti marru l-Qorti minħabba l-inkonvjenzi li jafaċċjaw.
Din ir-reazzjoni tingħaqad mal-istand tiegħu favur it-tkabbir tal-Freeport b’detriment għar-residenti ta’ Birżebbuġa, bil-pożizzjoni tiegħu li jiddefendi lil min iniġġez permezz tal-fish farms li wkoll jolqtu n-naħa ta’ isfel, bil-pożizzjoni tiegħu kontra l-qalba għall-gass li tfisser mhux biss kontra arja aktar nadifa, imma favur li tibqa’ tiġi użata l-power station tal-Marsa, li l-għeluq tagħha kien l-ikbar sinjal li qatt ta kull Gvern favur in-nies tan-naħa ta’ isfel ta’ Malta.
Il-Partit Laburista stqarr li filwaqt li Simon Busuttil se jibqa’ jaħdem kontra l-interessi tar-residenti tan-nies tan-naħa ta’ isfel ta’ Malta, il-Gvern se jibqa impenjat li jixpruna ‘il quddiem din in-naħa tal-pajjiż li kien ilha abbandunata s-snin, l-istess kif se jagħmel bil-kumplament tal-pajjiż kollu.