Madwar wieħed minn kull ħames professjonisti fid-dinja tax-xogħol isofru minn livelli ‘estremament għolja’ ta’ karatteristiċi psikopatiċi.
Hekk skoprew riċerkaturi minn Bond University fl-Awstralja u l-Università ta’ San Diego, li preżentaw l-istudji tagħhom waqt il-Australian Psychological Society Congress f’Melbourne.
Saħansitra inħolqot il-frażi ‘psikopatiċi ta’ suċċess’, li saru komuni f’dan l-aħħar seklu. Dawn jemmnu li huma nies li ftit kapaċi jifmhu lil dak li jkun jew iħossu dispjaċir, bir-riżultat ikun tossiku fuq min jaħdem madwarhom.
Sinjali oħra huma: ċertu kariżma superfiċjali, valur għoli ħafna tagħhom infushom, impulsività, bżonn kontinwu ta’ stimulazzjoni, karattru manipulattiv, u nuqqas ta’ sens ta’ ħtija.
Ir-riċerkaturi qalu li kienu sorpriżi b’dak li sabu, u wissew li f’każijiet estremi, dawn l-individwi kapaċi jsiru nieqsa minn sens ta’ etika u jirrikorru għall-illegalitajiet fin-negozju.
Studju fost 261 professjonisti corporate fl-industrija tas-supply chain management sab li 21% ta’ dawk kollha mlaħħqa f’dan il-livell għandhom dawn it-tendenzi. Li jiġi ekwivalenti għal persuna minn kull mija fost il-popolazzjoni ġenerali. Wieħed minn kull ħames persuni li jinsabu l-ħabs għandhom l-istess tendenzi. Skont l-istess riċerkaturi, psikopatiċi ta’ suċċess saru komuni ħafna wara l-kriżi finanzjarja tal-2008.
Ir-riċerka turi l-bżonn li kumpaniji jkunu konxji mhux biss tal-kompetenzi akkademiċi ta’ min iħaddmu, iżda wkoll ta’ dak li jkun għaddej psikoloġikament.