Il-Mediterranean Forum 2016 se jsir f’pajjiżna bejn it-23 u s-26 ta’ Ottubru, dan se jsir bħala parti mill-preparazzjonijiet għall-Presidenza tal-Kunsill Ewropew 2017.
Dan il-forum se jkun qed jibni fuq il-qagħda strateġika ta’ pajjiżna, bħala medjatur Mediterranju. Il-Presidenza tal-Kunsill Ewropew f’Malta se tkun qed tpoġġi lil pajjiżna f’pożizzjoni li tistabbillixxi ruħha bħala sit ta’ networking. Dan il-forum se jkun qed jiffoka fuq djalogu interkulturali u huwa t-tielet forum tat-tip tiegħu wara dak tal-2010 f’Marsilja u Barċellona fl-2013 rispettivament.
Il-MEDFORUM2016 se jkun qed ilaqqa’ 600 delegat minn fondazzjonijiet u agenziji differenti Ewropej fosthom organizazzjonijiet taż-żgħażagħ. Matul dan il-forum se jiġu diskussi bosta suġġetti fosthom s-sostenibillitá, x-xenofobija kif ukoll il-kriżi tal-immigrazzjoni.
Il-Forum huwa organizzat mill-Anna Lindh Foundation u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin George Vella, li fi kliemu qal li huwa urġenti aktar minn qatt qabel li ngħixu f’valuri ta’ rispett u tolleranza. Huwa żied jgħid li Malta tinsab pożittiva dwar dan il-Forum sabiex jiġu indirizzati l-problemi serji tar-reġjun Mediterranju.