Fi tmiem il-ġimgħa estiż minħabba l-Festa tal-Vitorja, Għawdex għal darb’oħra ra influss qawwi ta’ nies li għażlu l-gżira tat-tliet għoljiet sabiex iqattgħu ftit jiem ta’ rilassament.
F’ċifri uffiċjali li kiseb ONE News stajna ninnutaw kif minkejja li fl-istess żmien is-sena li għaddiet kien hemm aktar persuni li qasmu l-fliegu, din is-sena kien hemm aktar vetturi li qasmu bejn iż-żewġ gżejjer.
Indikazzjoni favur it-turiżmu intern li għaddej ġmielu f’pajjiżna bħalissa minkejja l-imxija.
Fil-fatt bejn il-Ġimgħa u t-Tlieta qasmu total ta’ kważi wieħed u tletin elf vettura. Żieda ta’ 2.4% meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena ta’ qabel.
Fl-istess tmiem il-ġimgħa, fl-2019 qasmu mat-tletin elf vettura.
Bejn l-erbgħa u t-tmienja ta’ Settembru qasmu l-fliegu kważi tmienja u sebgħin elf persuna, bl-aktar jum bieżel fiċ-Ċirkewwa kien il-Ġimgħa erbgħa ta’ Settembru.
Dakinhar telqu miċ-Ċirkewwa lejn Għawdex aktar minn disat elef u tliet mitt persuna.
L-aktar jum bieżel fil-port tal-Imġarr kien it-Tlieta tmienja ta’ Settembru fejn minn hemm telqu kważi ħdax-il elf persuna.
ONE News tkellem ukoll mal-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu hekk kif spjega l-andament pożittiv f’Għawdex fil-lukandi u r-ristoranti.
Is-Sur Muscat qalillna: “Il-weekend tal-Vitorja ħabtet ukoll it-Tlieta allura hemmek kellna perjodu daqsxejn itwal u anke hawnhekk il-Maltin għażlu lil Għawdex bħala d-destinazzjoni favorita tagħhom kif ukoll minħabba ċ-ċirkostanzi tal-pandemija fejn is-safar huwa ristrett mhux ħażin.”
Is-Sur Muscat spjega wkoll kif inzerta li Għawdex ser igawdi minn tmiem il-ġimgħa estiż ieħor minħabba l-festa tal-Indipendenza.
Huwa sostna: “Wara dan il-weekend imiss ukoll il-weekend tal-21 ta’ Settembru li wkoll ser jaħbat extended weekend u is-settur turistiku fiċ-ċirkostanzi li ninsabu fihom iħares lejn dawn il-weekends li jtaffu ftit mill-effett li ħalliet fuqna l-Covid.”