Studju maħruġ mill-Assoċjazzjoni ta’ min iħaddem juri li bejn Ġunju u Awwissu li għadda, madwar nofs in-negozji f’pajjiżna marru aħjar mix-xhur ta’ bejn Marzu u Mejju.
L-istudju wera wkoll li wieħed u tmenin fil-mija tan-negozji ma keċċew l-ebda ħaddiem.
Fost il-maġġoranza tan-negozji kien hemm biss kliem ta’ tifħir għall-miżura tal-Gvern fi ħlas tal-pagi, hekk kif tnejn u sittin fil-mija qalu li din il-miżura kienet effettiva.
F’kuntest ta’ sensiela ta’ miżuri mmirati għan-negozji fil-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika mħabbar f’Ġunju, parti sostanzjali tan-negozji tkellmu wkoll b’mod pożittiv dwar l-iskema tar-roħs bin-nofs tal-kontijiet tad-dawl u l-iskema ta’ sussidju fuq il-kera.
Min-naħa l-oħra ħamsa u sittin fil-mija tan-negozji li pparteċipaw f’dan l-istudju qalu li fi żmien ta’ pandemija użaw it-teleworking.
Mistoqsija jekk ikollhomx impatt fuq in-negozju jekk l-iskejjel ma jiftħux, madwar tmenin fil-mija tan-negozji qalu li jkollhom impatt negattiv jekk l-iskejjel jibqgħu magħluqa.