Viktor Dragomanski kien irrabjat għal Daniel Muka għax qal li qatel liż-żewġ vittmi mingħajr raġuni u rrovinalu ħajtu f’erba’ minuti.
Xehed dan l-Ispettur James Grech, quddiem il-Maġistrat Joseph Mifsud, hekk kif bdiet il-kumpilazzjoni ta’ Dragomanski mill-Maċedonja ta’ Fuq li qed jiġi akkużat bil-qtil ta’ Dr. Christian Pandolfino u Ivor Macejowski f’Tas-Sliema.
L-Ispettur Grech qal li Dragomanski kellu rabja kbira għal Muka u qalilhom li l-Albaniż qatel lill-koppja.
Dragomaski qal lill-Pulizija li fit-tmintax ta’ Awwissu, propju dakinhar tad-delitt, hu kien miexi bil-kelb f’ Tas-Sliema, meta Muka li kien f’karozza Volkswagen Tiguan bajda waqaf ħdejh u qallu li kellhom biċċa xogħol għalih.
Mingħajr ma kien jaf x’inhi din il-biċċa tax-xogħol mar ma’ Muka.
Xħin waslu fi Triq Locker, Muka urihom ir-residenza ta’ Pandolfino li kienu se jwettqu s-serqa fiha.
Kif Muka pparkja l-vettura, rah b’pistola f’idu u Dragomanski wissih sabiex ma jużahiex għalxejn b’xejn.
Intqal li Dragomanski baqa’ fil-karozza u ftit wara sema’ sparatura.
F’ħin minnhom avviċinah Jesper Kristiansen, u Dragomanski u d-Daniż daħlu fir-residenza.
Intqal li xħin daħlu fir-residenza, Dragomanski lemaħ l-ewwel vittma, lil Pandolfino, jieħu l-aħħar nifsijiet mal-art.
Tela’ t-taraġ u sab it-tieni vittma, lil Majewoski mixħut mal-art.
Dragomanski sab lil Muka fil-kamra tas-sodda u kif daħlu qalilhom biex jitilqu għax kienu lesti minn hemmhekk.
Dragomaski qal lill-Ispettur James Grech li kien ixxukjat meta ra li Muka qatel żewġ persuni u ma setax jiċċaqlaq iżda mbagħad lebbet ‘il barra.
Dragomanski qal lill-pulizija li Muka saq lejn il-parkeġġ fi Gwardamangia, fejn Dragomanski għen lil Muka jneħħi in-numri ta’ reġistrazzjoni tal-karozza.
Dragomanski qal lill-pulizija li hu daħal fir-residenza għax ried jaqla’ xi ħaġa tal-flus.