Statwa ċkejkna tal-Madonna nstabet eżatt biswit il-ġisem bla ħajja ta’ Miriam Pace li mietet mirduma f’darha fil-Ħamrun.
Dan xehdu l-Perit tal-Protezzjoni Ċivili Graham Attard li kien qed jagħti x-xhieda tiegħu waqt il-kumpilazzjoni kontra l-erba’ persuni li huma mixlija li b’nuqqas ta’ ħsieb u traskuraġni kkaġunaw il-mewt ta’ Miriam Pace u kkaġunaw ħsara fuq proprjetà privata fost akkużi oħra.
Meta kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni, il-Perit spjega wkoll li għall-bidu kien maħsub li Matthew Pace, iben Miriam Pace kien jinsab maqbud ukoll taħt it-terrapien.
Fis-seduta tal-lum xehdu wkoll diversi uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili, fosthom id-Direttur is-Sur Emmanuel Psaila li qal li hu ġie infurmat wara s-sagħtejn ta’ waranofsinhar waqt li kienet qiegħed f’laqgħa mal-Awtoritajiet tas-Saħħa b’rabta mal-imxija tal-Coronavirus.
Is-Sur Psaila spjega li ntuża tagħmir speċifiku biex jittella’ l-konkrit.
Min-naħa tiegħu l-uffiċjal tal-operat tal-Protezzjoni Ċivili qal li hu ordna biex jinġiebu l-klieb biex jgħinu fit-tfittxja u ordna biex ħadd ma jirfes fuq it-terrapien qabel ma tinstab Miriam Pace.
Xehed ukoll id-Deputat Direttur tal-Protezzjoni Ċivili, is-Sur Peter Paul Coleiro fejn qal li li fl-operazzjoni tat-tfittxija ntużaw ukoll id-drones li għenu fit-tfittxija. Huwa kompla jispjega li meta nstab il-mobile ta’
Miriam Pace, ħasbu li l-omm ta’ żewġt itfal kienet tinstab viċin.
Fis-seduta ukoll xehdu Dr Michael Spiteri u Dr Jonathan Joslin mill-emerġenza. Huma qalu li ġew infurmati bil-każ. Qalu wkoll li għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħaxija kienu infurmati li nstabu traċċi tad-demm, li aktar tard sar magħruf li kienu ta’ Miriam Pace.