Statistika maħruġa mill-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat turi li bejn April u Ġunju li għadda, Malta kienet l-uniku pajjiż fost l-istati membri kollha li żiedet in-numru ta’ impjiegi.
Fl-eqqel tal-pandemija kienet Malta biss li rreġistrat żieda ta’ 0.6% fl-impjiegi.
Dan meta mqabbel ma’ Jannar u Marzu li għadda.
Meta mbagħad in-numru ta’ postijiet tax-xogħol fit-tieni kwart ta’ din is-sena jitqabbel mat-tieni kwart tas-sena l-oħra, hemm żieda iżjed qawwija, dik ta’ 4.2%.
Għal kuntrarju, fit-tieni kwart ta’ din is-sena, il-pajjiżi l-oħra kollha tal-Unjoni Ewropea rreġistraw tnaqqis fin-numru ta’ postijiet tax-xogħol.
Id-differenza fin-numru ta’ postijiet tax-xogħol bejn pajjiżna u l-medja taż-żona ewro hija ta’ tliet punti u nofs perċentwali.
Imqabbel mal-Ġermanja, il-pajjiż meqjus bħala l-mutur ekonomiku tal-Unjoni Ewropea, id-differenza hi ta’ żewġ punti perċentwali.
Spanja kienet l-aktar pajjiż tal-Unjoni Ewropea li rreġistrat l-akbar tnaqqis ta’ impjiegi, b’7.5%.
L-Irlanda rat tnaqqis ta’ 6.1%, filwaqt li l-Ungerija u l-Estonja rreġistraw tnaqqis ta’ aktar minn 5%.
L-istess statistika turi wkoll tnaqqis għal kull stat membru fil-prodott domestiku gross, b’ta’ Malta, il-prodott domestiku gross jonqos inqas minn dak tal-medja fiż-żona ewro u pajjiżi oħra bħal Ċipru, Franza u l-Belġju.
Intant, il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ b’sodisfazzjon din l-aħbar u qal li l-miżuri ekonomiċi li qed jieħu l-Gvern qegħdin jipproteġu tassew lill-ħaddiema.
@EU_Eurostat shows that #Malta was the only #EU country where #employment rose during the second quarter. Our #economic measures are truly protecting our #workers. – RA pic.twitter.com/K0WxF1Bo7Q
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) September 9, 2020