It-tmienja ta’ Settembru. F’dan il-jum, pajjiżna jfakkar Jum il-Vitorja, b’żewġ rebħiet importanti fl-istorja ta’ Malta.
Bħal-lum fl-elf ħames mija ħamsa u sittin, il-Maltin rebħu fuq il-qawwa Torka fl-Assedju l-Kbir, hekk kif waslet l-għajnuna mingħand ir-Re ta’ Sqallija u qawwiet oħra Ewropew, f’dak magħruf bħala Grande Soccorso. It-Torok ħallew il-gżejjer Maltin wara tliet xhur ta’ ġlied kontinwu madwar Malta speċjalment fin-naħat tal-Port il-Kbir u n-nofsinhar ta’ Malta.
Imbagħad fl-elf disa’ mija tlieta u erbgħin, it-Taljani ċedew l-armi fit-Tieni Gwerra Dinjija. B’dan fisser li waqaf il-bombardament mill-qawwiet tal-Assi f’din il-gwerra.
It-Tlieta filgħodu fil-Belt Kapitali, il-President ta’ Malta George Vella fakkar dan il-jum storiku għal Malta billi poġġa kuruna ta’ fjuri f’riġlejn il-Monument tal-Assedju l-Kbir quddiem il-Qorti.
Fis-Saluting Battery, mat-tokki ta’ nofsinhar ġew sparati t-tmien kanuni bħala salut, f’dan il-jum ta’ rebħa għal pajjiżna.
Aktar tard matul il-ġurnata, Il-Kumitat Festi Nazzjonali poġġa diversi kuruni tal-fjuri mal-qabar tal-vittmi tal-Assedju fil-Forti Sant’Anġlu, mal-monument tal-Vitorja, il-Birgu, u mal-Knisja tal-Isla li tissimbolizza lil Malta Rebbieħa.
Issoktat ċerimonja qasira u simbolika fiċ-ċimiterju tal-Addolorata fejn il-Kumitat Festi Nazzjonali sellem il-memorja tan-nies li tilfu ħajjithom bil-bombi tat-Tieni Gwerra Dinjija.
Illum ukoll il-Knisja Kattolika tfakkar il-festa ta’ Marija Bambina, li tiġi ċċelebrata fl-Isla, fil-Mellieħa, fin-Naxxar u fix-Xagħra Għawdex. Din is-sena b’differenza, hekk kif sfortunatament l-istatwi ta’ Marija Bambina baqgħu fil-knisja u ma ħarġux għall-pellegrinaġġi minħabba l-pandemija.