Il-Gvern, permezz tal-Kunsill għas-Settur tal-Volontarjat, organizza diversi sessjonijiet ta’ informazzjoni kemm f’Malta u kemm f’Għawdex mal-għaqdiet volontarji dwar l-allokazzjoni ta’ €3 miljun, li hija l-ikbar allokazzjoni ta’ fondi diretti li qatt saret mill-Gvern fis-settur.
Dan qalu s-Segretarjat Parlamentari għall-Isport fi tweġiba lill-Oppożizzjoni Nazzjonalista, li fi stqarrija allegat li l-Gvern naqas milli jinforma lill-għaqdiet volontarji u sportivi dwar għajnuniet li jistgħu jibbenefikaw minhom.
Fi stqarrija l-Gvern qal li din l-allokazzjoni se tkopri spejjeż ta’ servizzi u kontijiet, u nħoloq ukoll fond ta’ emerġenza li minnu diġà bdew jitqassmu flus.
Żied jingħad ukoll li għaqdiet sportivi rreġistrati ma’ SportMalta bdew jirċievu ittri individwali minn SportMalta bi spjegazzjoni tal-proċess.
Bil-kontra ta’ dak li qalet l-Oppożizzjoni, f’dawn l-aħħar ġimgħat saru diversi laqgħat bejn il-Gvern u l-partijiet interessati kollha sabiex ikun hemm is-serħan tal-moħħ li l-kompetizzjonijiet ikomplu.
Is-Segretarjat temm jappella lill-Oppożizzjoni sabiex ma tippruvax tivvinta stejjer sabiex tinstema’ ftit fuq il-mezzi tax-xandir.