Lejliet il-ġurnata internazzjonali tal-literiżmu numru ta’ tfal tal-iscouts iltaqgħu mal-ambaxxaturi tal-qari. Bl-ambaxxaturi rrakkontaw l-istorja tagħhom u kif il-qari għenhom ikomplu jeċċellaw fil-karriera tagħhom.
Fost l-ambaxxaturi kien hemm Carmel Busuttil, magħruf aħjar bħala l-‘Bużu’ li spjega kif il-ktieb dejjem kien għenu javvanza fil-karriera tiegħu bħala plejer internazzjonali.
Stqarr li l-qari għenu biex jagħmel il-kors u jġib il-liċenzja tal-kowċing, filwaqt li kien kruċjali biex meta mar jilgħab barra minn pajjiżna, tgħallem il-lingwa tal-post. Huwa ħeġġeġ lit-tfal biex filwaqt li jiġru wara l-ħolm tagħhom ikomplu jistudjaw.
Is-Sur Busuttil qalilna: “Dak huwa l-messaġġ li dejjem nibgħat lit-tfal, ngħidilhom, li l-uniku dispjaċir li għandi fil-karriera tiegħi, li xtaqt li forsi b”time management’ stajt komplejt l-iskola u komplejt il-futbol għax ħafna jaħsbu kif kont naħseb jien, li l-iskola u l-futbol ma jmorrux flimkien, imma fil-fatt imorru ħafna.”
Il-Ministru fl-Uffiċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela spjega kif l-importanza tal-qari u l-litteriżmu toħroġ minn waħda minn sbatax il-mira tal-ġnus magħquda għall-iżvilupp sostenibbli. Dan hekk kif ir-raba’ mira hija dik ta’ edukazzjoni ta’ kwalità.
Il-Ministru Abela saħaq: “L-għarfien jiġi milli wieħed jaqra u jiftaħ l-orizzonti tiegħu jew tagħha u allura ħassejna li kellna ngħaddu dan il-messaġġ lit-tfal f’din l-okkażjoni, ħalli b’hekk inkomplu nsaħħu l-edukazzjoni f’pajjiżna anke mhux dik l-edukazzjoni biss li hija formali imma l-edukazzjoni informali.”
Huwa appella lit-tfal sabiex huma wkoll ikunu ambaxxaturi tal-qari u jħajru lill-sħabhom ifittxu iktar il-ktieb. Dan filwaqt li lit-tfal preżenti preżentalhom numru ta’ kotba sabiex iħeġġiġhom jintilfu fl-istorja ta’ xi ktieb.