B’reazzjoni ta’ xi ħadd li huwa inċert u taħt pressjoni minn dawk ta’ madwaru, Simon Busuttil ħareġ jgħid li ħa gost li l-Partit Popolari Ewropew li miegħu huwa affiljat il-Partit tiegħu se jkun qed jivvota kontra n-nomina ta’ Leo Brincat fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Innota dan fi stqarrija l-Partit Laburista.
Żied li dan kollu ntqal fl-istess ġurnata li Donald Tusk, il-President tal-Kunsill Ewropew, żar pajjiżna u ddikjara li Malta hija l-aqwa pajjiż fl-Ewropa. “Minflok Busuttil ħa pjaċir b’ċertifikat bħal dan, ħa pjaċir li huwa u sħabu fil-PPE se jkomplu jagħmlu l-bsaten fir-roti u jagħtu l-gambetti lil Malta,” qal il-Partit Laburista.
Il-Partit Laburista żied jgħid li l-poplu qed jara bil-fatti d-differenza bejn min irid aktar firda sforz l-inċertezza u l-pressjoni li għandu madwaru u min bil-fatti jaħdem fl-aħjar interess tal-pajjiż, billi fost l-oħrajn f’nomini ta’ dan it-tip, il-Partit Laburista vvota favur Malta u mhux skont l-isem u minn fejn ġej.