Raġel ta’ 21 sena minn Ħal Luqa qed jinżamm mill-Pulizija wara li l-Ħadd wara nofsinhar qabeż mill-ġnien Romeo Romano f’Santa Venera u daħal fil-Ministeru għall-Ambjent f’Santa Venera.
Minn informazzjoni li kiseb ONE News jidher li kien l-uffiċjal tas-sigurtà tal-binja li lemaħ raġel jaqbeż ġewwa l-binja. Huwa talab għall-assistenza tal-Pulizija fejn fu ftit minuti Pulizija mill-għassa tal-Ħamrun u tar-Rapid Intervention Unit daħlu fil-binja u arrestaw lir-raġel.
Kelliem għall-Pulizija kkonferma dan il-każ u qal ukoll li l-ġuvni beda jisħaq li huwa qabeż ġewwa l-Ministeru biex jaqta’ ftit Rummien. L-istess kelliem kkonferma li l-Pulizija se tkun qed tressaq lir-raġel il-Qorti akkużat li daħal fi propjeta privata mingħajr permess.
Filmati ta’ ONE juru lir-raġel dieħel ġo karozza tal-Pulizija waqt li kien skortat mill-Pulizija li kienu għadhom kif arrestawh.
Huwa ttieħed fl-għassa tal-Ħamrun għal aktar stħarriġ.