Alexander Anthony Whiteford Gialanze ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest wara l-Ħadd filgħodu tressaq il-Qorti b’rabta ma’ serq ta’ ġojjelli minn fuq ħabib tiegħu waqt li kienu mexjin fi Triq Bordin f’Tal-Pietà.
Il-prosekuzzjoni spjegat li r-raġel li huwa wkoll reċediv kellu argument ma’ sieħbu fejn filwaqt li uża flixkun imkisser bħala arma seraq basket żgħir li fih kien hem arloġġ li jiswa aktar minn €4,000 u ċurkett.
L-Ispetturi Fabian Fleri, Lydon Zammit u Stephen Gulia mit-Taqsima tar-Reati Maġġuri spjegaw li r-raġel ġie akkużat ukoll li xahar qabel, propju fis-sittax ta’ Lulju seraq mutur minn Marsascala u saqu mingħajr liċenzja tas-sewqan u kif ukoll polza tal-assigurazzjoni.
L-ispettur Żammit spjega li r-raġel ġie arrestat aktar kmieni din il-ġimgħa u waqt li kien fil-kustodja tal-Pulizija kellu jiddaħħal l-isptar minħabba problem mediċi. Zammit kompla jispjega li r-raġel ngħata l-Police Bail wara 48 siegħa arrestat iżda meta reġa’ ġie mgħajjat mill-Pulizija Whiteford naqas milli jattendi d-Depot u reġa’ ġie arrestat mill-Pulizija waqt li kien miexi fil-Marsa.
L-avukat Francesca Zarb mill-uffiċċju legali ta’ Dr Franco Debono tablet għall-libertà proviżorja madankollu dan sab l-oġġezzjoni tal-prosekuzzjoni li spjegaw li l-imputat għandu fedina penali twila u fakkar kif huwa rrifjuta milli jmur lura lejn id-Depot wara li kien mgħajjat waqt li kien fuq il-Police Bail. L-Ispettur Zammit spjega li r-raġel ilmenta li kien ma jiflaħx madankollu huwa instab miexi fit-triq. Zammit ilmenta wkoll li r-raġel m’għandux indirizz fiss ta’ residenza.