Il-Pulizija Amerikana sparat u qatlet lis-suspettat bil-qtil ta’ attivist lemini fi tmiem il-ġimgħa li għadda f’Oregon.
Michael Reinoehl, ta’ 48 sena, kien qed jiġi investigat għall-qtil ta’ attivist fil-kampanja tal-President Donald Trump waqt protesti kontra r-razziżmu f’Portland. Ir-raġel kien qal li huwa aġixxa biex jiddefendi lilu nnifsu.
Għadu mhux ċar għaliex l-uffiċjali sparaw lejn Reinoehl għalkemm qed jingħad li ħareġ pistola.
Id-dimostranti ta’ Black Lives Matter qed jipprotestaw kull filgħaxija f’Portland mindu seħħ il-qtil ta’ George Floyd f’Mejju, u fil-belt qed iseħħ ħafna ġlied ma’ gruppi ta’ twemmin lemini.