Noel Attard ta’ 38 sena mir-Rabat Għawdex instab ħati mill-qorti li naqas li jkun responsabbli għat-trattament xieraq tal-klieb tiegħu li kien qiegħed iżomm f’garaxx fiż-Żebbuġ, Għawdex.
Il-każ ġara f’April tal-2019. Attard ġie akkużat li ħalla l-klieb jgħixu f’gaġeġ ta’ qies iżgħar milli tippermetti l-liġi u li żamm klieb t’erba’ xhur jew aktar mingħajr liċenzja fost oħrajn.
Fis-sentenza tiegħu, il-Maġistrat Joseph Mifsud qal li n-nies li jrabbu l-annimali domestiċi qegħdin dejjem jiżdiedu.
Għaldaqstant għandu minnufih jintbagħat messaġġ b’saħħtu lil dawk il-persuni li jwettqu atti ta’ moħqrija fuq l-annimali, għaliex dawn l-atti mhumiex aċċettabbli.
Il-Maġistrat Mifsud qal li l-annimali ukoll għandhom id-drittijiet tagħhom.
Attard ġie akkużat ukoll b’moħqrija tal-annimali, iżda l-qorti meta analizzat il-provi ma rriżultax li kien hemm moħqrija fuq il-klieb għaldaqstant ma nstabx ħati fuq din l-akkuża.
Il-Maġistrat Joseph Mifsud sabu ħati tal-akkużi l-oħra u ġie mmultat €2,500.