Bosta msieħba soċjali jidher li laqgħu l-aħbar mħabbra mill-Prim Ministru li l-Gvern se jkun qed jestendi l-għajnuna tiegħu fil-ħlas tal-pagi u l-iskadenza tal-vouchers ta’ mitt ewro sal-aħħar t’Ottubru li ġej.
Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, Josef Bugeja spjega kif din l-aħbar hija waħda pożittiva hekk kif ser tassigura li la darba kollox jerġa’ lura għan-normal, l-andament ekonomiku jerġa’ jirpilja.
Is-Sur Bugeja stqarr: “Ħareġ biċ-ċar li l-għajnuna għall-Covid Wage Supplement salvat eluf ta’ impjiegi, u eluf ta’ impjiegi, eluf. Tkellimna wkoll mal-awtoritajiet fejn ridna u sħaqna li dawn għandhom jitkomplew minħabba l-fatt li l-industrija tat-turiżmu kellha ‘setbacks’ oħrajn li ma kinux jiddependu biss minn Malta imma wkoll minn barra.”
Is-Segretarju tal-Assoċjazzjoni tal-Istabbiliment tal-Catering, Matthew Pace spjega kif l-għajnuna fil-ħlas tal-pagi hija kruċjali sabiex jonqos l-impatt li l-pandemija kellha fuq l-istabbilimenti tal-ikel, għalkemm minkejja ċ-ċirkostanzi, l-andament dan is-sajf xorta waħda kien pożittiv.
Is-Sur Pace qalilna: “Kellna spike pożittiva ħafna fix-xahar t’Awissu ħabba l-impatt tal-vouchers. Kellna anke min irrekordja aktar minn 80% mill-bejgħ tiegħu mill-vouchers. Dawn għas-settur tagħna importanti li jintużaw għax fl-aħħar mill-aħħar ir-‘revenue stream’ huwa importanti ħafna fis-settur tagħna biex ngħaddu minn dan iż-żmien diffiċli nisperaw mhux ħa jdum ħafna.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-kamra tal-Kummerċ f’Għawdex, Daniel Borg, ukoll stqarr li l-estensjoni ta’ dawn l-iskemi ser tkun qed toffri nifs pożittiv ħafna lin-negozji Għawdxin.
Huwa sostna: “Covid Wage Supplement kienet għajnuna essenzjali biex il-kumpaniji jkomplu jgħixu f’dan iż-żmien u allura hija miżura pożittiva. L-estensjoni tal-vouchers sa Ottubru żgur se tgħin, speċjalment f’dan iż-żmien fejn hu normali li tonqos il-kunfidenza u l-kunfidenza hija l-ixprun tal-ekonomija għax dak li jkun jekk iħossu kunfidenti jkun jista’ jixtri u allura hija miżura tajba.”