Qassis ta’ erbgħin sena tressaq il-qorti akkużat li kellu relazzjoni ma’ tifla ta’ ħmistax-il sena għal dawn l-aħħar erba’ snin.
Il-qassis, li ismu ma jistax jixxandar minħabba divjett mill-qorti, qal li ġie rikattat.
Quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli huwa ġie akkużat li allegatament kien ilu jwettaq l-attivitajiet sesswali ma’ tifla ta’ ħmistax-il sena minn Ġunju elfejn u sbatax.
L-Ispetturi Joseph Busuttil u Dorianne Tabone, qalu li l-Pulizija bdiet tinvestiga reċentement meta t-tifla, li llum għandha dsatax-il sena, rrapurtat li kellha relazzjoni ma’ dan il-qassis. Bil-pulizija ġiet infurmata bil-każ minn kummissjoni fil-kurja.
Jirriżulta li r-relazzjoni kienet bil-kunsens tat-tfajla.
Hija qalet lill-pulizija li wettqu għal diversi drabi attivitajiet sesswali.
Huwa wieġeb mhux ħati.
L-Avukati difensuri qalu li l-qassis ġie rikattat. Qalu li t-tfajla qalet lill-qassis biex jitlaq minn qassis, jiżewwiġha, u joħroġa tqila. Inkella jekk ma jagħmilx hekk tmur tgħid kollox lill-Arċisqof Charles Scicluna. Hedditu ukoll li tikxfu mal-ġenituri tiegħu.
Bil-Prosekuzzjoni kkonfermat dan u qalet li l-qassis daħal f’ċirku vizzjuż li ma setax joħroġ minnu.
Il-Maġistrat tatu l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ elf ewro u garanzija personali ta’ sebat elef ewro. Il-qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittma.
Fi stqarrija Kummissjoni fi ħdan il-Kurja qalet li ħadet l-azzjoni meħtieġa mingħajr preġudizzju biex jiġu mħarsa l-partijiet kollha, fil-każ li qassis qed jiġi akkużat li kellu relazzjoni ma’ tifla.
Il-Kummissjoni għaddiet dan il-każ f’idejn il-Pulizija għall-investigazzjoni.
Fi stqarrija ngħad li l-Kummissjoni timxi mal-prinċipju li kull persuna hija innoċenti sakemm tinstab ħatja.
Għaldaqstant filwaqt li ma ntqalx jekk il-qassis ġiex sospiż jew le, il-kummissjoni ndikat li mhux se tieħu passi kontra l-qassis li kellu relazzjoni sesswali ma tifla sakemm jinstab ħati mill-qorti.
Il-Kummissjoni tal-Knisja ħeġġet lil kull min jaf b’xi allegat każ ta’ abbuż biex jirrapporta.
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/09/03/il-kurja-mhux-se-tiehu-passi-kontra-l-qassis-li-kellu-relazzjoni-sesswali-ma-tifla-sakemm-jinstab-hati-mill-qorti/