Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis nieda l-edizzjoni 2020 tal-Premju Soċjetà Ġusta, biex jitfakkru l-persuni li b’xi mod wettqu xogħol kbir u imprezzabbli fil-qasam tal-persuni b’diżabilità.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis stqarr: “Għall-Gvern, il-persuni b’diżabilità huma prijorità fil-ħidma tagħna. Ma nqisuhomx tat-tieni jew it-tielet klassi. Iva, rridu nirrokonoxxu l-persuni b’diżabilità għax qed jagħtu kontribut u rriduhom ikunu attivi fil-pajjiż tagħna.”
Il-premju nnifsu se jitqassam f’ħames kategoriji:
- Premju għal kisba tul il-ħajja fis-settur tad-diżabbiltà;
- Premju għal ħidma fit-tisħiħ tad-drittijiet tal-persuni b’ diżabilità;
- Premju soċjetà ġusta;
- Premju għal parteċipazzjoni attiva fl-isport, arti u kultura, u
- Premju għall-aktar post tax-xogħol li jopera b’mod inklussiv.
Kull min jixtieq jinnomina persuna jew organizzazzjoni għal xi wieħed minn dawn il-premji għandu jimla l-applikazzjoni rispettiva minn fuq is-sit activeaging.gov.mt.
Iċ-Chairperson tal-bord tal-għażla, Oliver Scicluna, spjega li n-nomini se jagħlqu fl-20 ta’ Novembru li ġej, u r-rebbieħa mistennija jitħabbru waqt il-ġimgħa ddedikata għad-diżabilità f’Diċembru.
Is-Sur Scicluna sostna: “Importanti li lil dawn in-nies nippremjawhom għax bis-saħħa tal-ideat li joħorġu bihom u x-xogħol li jagħmlu, is-settur ikompli jimxi ‘l quddiem b’aktar saħħa.”