L-Erbgħa filgħodu, mart il-Prim Ministru s-sinjura Dr Lydia Abela u ċ-ċkejkna Giorgia Mae, marru jaqraw il-kotba lit-tfal ta’ Ħaż-Żabbar.
Dan f’attività mtella’ mill-kunsill lokali ta’ Ħaż Żabbar, li għaliha ipparteċipaw tfal bejn is-sitta u l-għaxar snin f’librerija mhux tas-soltu.
Dan għaliex it-tfal setgħu jaqraw kotba anki b’mod virtwali.
Għal dan, it-tfal kienu entużjasti fosthom Giorgia Mae. Hija stqarret: “Meta lbist il-goggles rajt ħafna affarijiet li m’hawnx hawnhekk bħala piramidi, dinosawru u ajruplan.”
Bħalha, it-tfal kisbu għarfien liema bħalu mill-kotba.
Uħud mit-tfal qalulna: “Il-kotba interessanti u titgħallem u jistgħu jkunu fuq ix-xjenza il-fire engines u l-ajruplani.”
Fil-librerija Żabbarija, Lydia Abela tkellmet dwar l-importanza għan-namra fil-qari.
Is-Sinjura Abela qalet: “U jiena nħeġġeġ biex it-tfal u anki l-adulti jiġu hawnhekk u jagħmlu użu minn din il-librerija. Nafu li l-qari huwa importanti ħafna, il-qari jgħin lit-tfal jedukaw ruħhom, jgħallimhom il-letteratura, jistgħu jitgħallmu ħafna suġġetti varji u jieħdu pjaċir.”
Is-Sindku ta’ Ħaż-Żabbar Jorge Grech qal li sar investiment ta’ ħamest elef ewro f’xiri ta’ kotba u biex din il-librerija toffri esperjenza sabiħa lil kulħadd, fosthom anki tfal b’diżabilità.
Qal li l-proġett ta’ realtà virtwali fil-librerija qed jintlaqa’ ferm: “Qed iniedu l-proġett innovattiv tal-virtual reality biex kemm żgħażagħ u anki nies avvanzati fl-età jesperjenzaw xeni differenti kemm madwar Malta u anki f’pajjiżi differenti f’oqsma u setturi differenti.”