B’investiment ta’ żewġ miljun u ħamsa u għoxrin elf ewro, ġiet inawgurata parti oħra mill-proġett tal-Marsa-Ħamrun bypass.
Din il-parti, li nfetħet tinkludi triq minn Triq il-Kanun f’Santa Venera għal Marsa-Ħamrun bypass, direzzjoni lejn in-nofsinhar tal-pajjiż. Barra minn hekk din il-korsija twassal sabiex tmur fi Triq Ħal Qormi fid-direzzjoni lejn il-Ħamrun jew Ħal Qormi.
Din il-parti se tikkumplimenta max-xogħol li sar sentejn ilu, fejn se tkun qed tinħoloq aktar aċċessibiltà għal dawk li jridu jgħaddu mill-inħawi msemmija.
Sentejn ilu kienu ntefqu ħames miljun ewro oħra. Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastruttura Malta, l-Inġinier Fredrick Azzopardi stqarr: “Illum ftaħna din l-islip road, li minn Triq il-Kanun tagħti għal Marsa-Ħamrun Bypass u b’hekk inkunu nistgħu niffaċilitaw dawk il-vetturi li meta jkunu ġejjin minn Birkirkara min-naħa tal-Ħamrun u jridu l-Marsa-Ħamrun Bypass biex jibqgħu sejrin lejn in-nofsinhar tal-pajjiż u jkunu jistgħu jagħmlu dan bl-aktar mod faċli.”
Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg qal kif dan il-proġett jikkumplimenta mal-proġetti li saru fl-akbar kuritur ta’ pajjiżna, jiġifieri dak bejn Triq il-Kosta sal-proġett tal-Marsa Junction u l-mini ta’ Santa Lucija. B’dawn il-proġetti tal-aħħar, il-Ministru Ian Borg qal li resqin lejn it-tmiem tagħhom.
Il-Ministru Borg sostna: “Kuntent li qed nara proġetti anke maġġuri mhux bit-toroq residenzjali biss, imma proġetti l-kbar qed jingħalqu bħal Marsa Junction, il-mini ta’ Santa Luċija, l-ewwel fażi tas-Central Link, imma dan ma jfissirx li l-proġetti se jieqfu hawn. Imma dan ma jfissirx li għandna proġetti oħrajn ilhi se jkunu qed jittelqu fil-futur qarib.”
Din l-arterja prinċipali bejn il-Marsa u l-Ħamrun mistennija tingħata dehra kompletament ġdida.
Dan permezz ta’ proġett ieħor fejn Infrastructure Malta qed tittrasforma ħajt ta’ 350 metru fl-itwal ġnien vertikali f’Malta, b’eluf ta’ pjanti indiġeni li se jiġu misqija minn sistema awtomatika.