Fl-ewwel jum ta’ Settembru, l-Istitut għall-Istudji Turistiċi l-ITS se jerġa’ jiftaħ il-bibien tiegħu biex jilqa’ lil 179 student, li se jagħmlu bejnethom mija u sittin sessjoni prattika fi tliet oqsma ta’ studju li kellhom isiru fit-tieni semestru tas-sena akkademika preċedenti iżda ġew sospiżi minħabba l-pandemija.
Il-ftuħ mill-ġdid tal-Istitut isegwi b’mod strett il-linji gwida maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika biex tiġi salvagwardjata s-saħħa ta’ dawk kollha involuti.
L-ITS ippubblika wkoll protokolli speċjalizzati li jmorru lil hinn mil-linji gwida maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa, biex jiġi żgurat ambjent ta’ saħħa u sigurtà assoluta, kif spjega ċ-Chairman tal-Bord tal-Gvernaturi tal-ITS, Carlo Micallef.
“Bħala istitut edukattiv fit-turiżmu, aħna nassiguraw li l-istudenti tagħna jsegwu l-ogħla livell ta’ protokolli li huma rakkomandati kemm mill-Awtoritajiet tas-Saħħa kif ukoll mill-MTA. Għaldaqstant qegħdin nesiġu li l-istudenti jieħdu l-aqwa edukazzjoni f’dan is-sens kemm għalihom, għall-istaff tagħna kif ukoll għall-pubbliku li jiffrekwenta r-ristoranti tal-ITS.”
Waqt żjara f’waħda mill-kċejjen fejn se jsiru s-sessjonijiet, il-Ministru għat-Turiżmu, Julia Farrugia Portelli, enfasizzat li l-element prattiku huwa kruċjali fl-edukazzjoni tal-ospitalità li jipprovdi l-Istitut tal-Istudji Turistiċi.
Għaldaqstant, sa mill-ewwel ġurnata li għalqu l-iskejjel fuq struzzjonijiet tal-Awtoritajiet tas-Saħħa, l-Istitut ħadem bis-sħiħ biex jipprovdi soluzzjoni għal din is-sitwazzjoni biex l-istudenti jirkupraw it-tagħlim prattiku mistenni mill-programmi vokazzjonali rispettivi.
F’dan il-kuntest, il-unjin tal-għalliema ħadmet bis-sħiħ mat-tim eżekuttiv tal-ITS biex tiżgura li l-protokolli u l-linji gwida jiġu implimentati bl-aktar mod effiċjenti.
“Dawk l-istudenti li kien għad baqalhom sigħat ta’ prattika x’jagħmlu fil-kċina, se jkunu jistgħu jibdew jagħmlu dan minn għada taħt protokolli ċari u stretti li hemm qbil magħhom mal-MUT.”
Intant, tul il-jum, saret laqgħa virtwali bejn l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa u l-Ministri kollha tas-Saħħa u tal-Edukazzjoni tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, inkluż Malta, dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel. Show pic tal-laqgha saved
Preżenti għal-laqgħa f’isem Malta kien hemm id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, il-Ministru tal-Edukazzjoni Owen Bonnici u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci.