Is-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-anzjani flimkien mad-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u dak tal-Kura fil-Komunità kellhom l-ewwel laqgħa minn sensiela, ma’ kumpaniji responsabbli mill-provvediment tal-ikel fid-djar tal-anzjani.
Dan biex jiġi diskuss kif dan is-servizz jista’ jinbidel biex titjieb il-kwalità tal-ikel fid-djar tal-anzjani.
Fil-fatt, diġà ġie deċiż li se jiġi rivedut il-menu biex jibda jiġi servut anki ikel tradizzjonali Malti.
Ġie deċiż ukoll li se jkun hemm persuni li se jibdew iduru lill-anzjani u jistaqsuhom dwar is-servizz tal-ikel.
Hekk kif ikun hemm suġġeriment, dawn il-persuni se jibdew jgħadduh minnufih lill-persuni kkonċernati biex jinstab kompromess.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Silvio Parnis, saħaq li din id-diskussjoni hija ħolqa minn katina ta’ inizjattivi li qed jittieħdu biex itejbu l-kwalità tal-ħajja tal-anzjani li jgħixu fi djar residenzjali.
“Għandna pjan kif se nibdew naħdmu biex verament l-anzjan tagħna jħossu qiegħed f’lukanda fid-djar tal-anzjani. Bdejna proċess twil imma persważ li f’dan il-proċess se jkollna riżultati fejn l-anzjani tagħna jkunu kuntenti li jinsabu f’waħda mid-djar tal-anzjani li għandna f’pajjiżna.”