Il-Ħadd wara nofsinhar ġie arrestat it-tielet suspettat allegatament involut fil-qtil ta’ Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski. Biex b’hekk issa l-pulizija ser tkun tista’ tressqu l-Qorti u tagħlaq dan il-każ.
Is-suspettat ta’ nazzjonalità barranija ġie arrestat f’lukanda f’Cadiz fi Spanja f’ħidma konġunta bejn il-pulizija Maltija u dik Spanjola. Dan permezz tal-involviment tas-sezzjonijiet rispettivi tal-Interpol.
Il-Ġimgħa it-tielet suspettat, li gie irrappurtat li huwa tan-nazzjonalità Daniża, ħarab minn Malta lejn Barċellona.
Bil-Pulizija Maltija kienet bdiet proċess sabiex jinħareġ mandat t’arrest Ewropew fil-konfront tat-tielet suspettat allegatament involut fid-delitt doppju li seħħ nhar it-18 ta’ Awwissu ta’ din is-sena. Il-pulizija għamlet kuntatt ukoll mal-pulizija Spanjola sabiex la darba jinqabad, jiġi estradit lejn Malta .
Dan wara li l-pulizija diġa ressqet il-Qorti lil Daniel Muka li huwa s-suspettat ewlieni f’dan id-delitt u lil Viktor Dragomanski. It-tnejn ġew mixlija bil-qtil tal-koppja u b’serqa ta’ il-fuq minn elfejn u tlett mitt ewro f’deheb u oġġetti oħra. Fil-fatt il-pulizija imxiet fuq it-teżi li l-mottiv wara dan id-delitt doppju kien dak ta’ serqa, wara li sabet ammont ta’ deheb nieqes mid-dar.
B’kollox ġew sparati sitt tiri fid-dar b’erba’ minnhom ġew sparati lejn Christian Pandolfino li nstab mejjet fl-intrata tad-dar u tir ieħor ġie sparat lejn Igor Maciejowski. It-tlett persuni involuti f’dan ir-reat damu biss erba’ minuti fid-dar taż-żewġ vittmi.
Fi stqarrija l-pulizija qalet li issa mistenni jibda l-proċess fil-Qrati Spanjoli sabiex is-suspettat jiġi estradit lejn Malta. Ladarba jerġa’ jirritorna f’pajjizna huwa mistenni jitressaq il-Qorti akkużat bl-involviment tiegħu fil-qtil doppju ta’ Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski.
F’inqas minn ġimgħatejn wara li seħħ dan il-qtil doppju, il-pulizija rnexxilha ssolvi s-sitt omiċidju li seħħ f’pajjiżna din is-sena.