Il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista qed tagħmel li tista’ sabiex tevita dibattitu wiċċ imb’ wiċ bejn Bernard Grech u Adrian Delia qabel l-elezzjoni għall-kap.
Dan fid-dawl li d-dibattitu jaf ikompli jxaqqaq lill-partit tal-maduma li sofra minn diversi daqqiet ta’ ħarta tul dawn l-aħħar snin.
Dan ġie rrapportat fuq il-gazzetta The Sunday Times fejn qalu li l-kummissjoni elettorali qiegħda tikkontempla l-idea ta’ diskussjoni kontrollata bejn il-kandidati.
Dan ifisser li l-istess kandidati li jħambqu fuq l-importanza tal-midja ħielsa f’pajjiżna ser ikunu qed iwieġbu mistoqsijiet li jkunu qablu fuqhom minn qabel.
The Sunday Times kitbet li sorsi fi ħdan il-Partit Nazzjonalista qalu li d-deċiżjoni jekk isirx dibattitu jew le għadha ma ttieħditx iżda l-kummissjoni elettorali tinsab ħerqana biex tevita “żbalji” li saru waqt l-elezzjoni għall-kap lura fl-elfejn u sbatax.
Dak iż-żmien il-kontestanti kienu ħadu sehem f’dibattiti varji fejn il-midja kellha l-opportunità ssaqsi mistoqsijiet. Xenarju li jaf ma jirrepetix ruħu din is-sena.
Is-sorsi tal-gazzetta qalu wkoll li filwaqt li l-idea ta’ dibattitu hija waħda demokratika, fil-verità d-dibattitu se jkun qed iservi biss bħala pjattaforma fejn il-kandidati jsibu x-xoqqa f’moxtha għal botta u risposta.
Sitwazzjoni li s-sorsi ddeskrivew bħala l-aħħar ħaġa li l-partit nazzjonalista għandu bżonn wara tliet snin turbulenti taħt it-tmexxija ta’ Adrian Delia.
Il-gazzetta kitbet li huwa mifhum li Bernard Grech u Adrian Delia ngħataw struzzjonijiet biex ma jaċċettawx stediniet għal dibattiti wiċċ imb’ wiċċ fuq l-ebda pjattoforma fl-interess tal-partit f’Tal-Pieta.