Huma ftit l-omiċidji li seħħew f’Malta b’mottiv ta’ serq.
Fl-isfond tal-aħħar omiċidju li seħħ f’tas-Sliema fejn inqatlet koppja u li kollox jindika li nsterqilha d-deheb, l-istoriku dwar il-kriminalità, Eddie Attard spjega ma’ ONE News kif l-ewwel qtil irreġistrat f’Malta minħabba serqa kien mitejn sena ilu.
F’dik imsejħa bħala invażjoni f’darek, fejn suppost huwa l-aktar post sigur, kien inqatel qassis.
“L-ewwel wieħed imur lura għall-1806 meta fin-Naxxar kien inqatel qassis, Dun Alwiġ u d-delitt sar fid-dar tiegħu fi Triq il-Għaqba n-Naxxar.”
Attard jispjega x’jista’ jwassal biex ħalliel li daħal biss biex jisraq, jispiċċa jtemm ħajjet ħaddieħor.
“Hawn min imur bi pjan premeditat biex joqtol u imbagħad ġieli jiġri wkoll li l-persuna tingħaraf u jkollu jwettaq omiċidju biex ma jinqabadx.”
Ma’ dan l-istazzjon, l-istoriku dwar il-kriminalità jgħid li l-aħħar darba li nqatlu n-nies f’darhom waqt serqa kienet inċidentalment koppja wkoll.
Dan ġara għoxrin sena ilu f’Santa Luċija.
“L-aħħar omiċidju ta’ din ix-xorta seħħ f’Santa Luċija fi Frar ta’ għoxrin sena ilu meta koppja rritornat id-dar mill-festa ta’ San Pawl, kien hemm in-nies ġo darhom, rabtuhom u din il-koppja nstabet sebat ijiem wara, Ġiġi u Ġuża.”
Il-koppja f’Santa Luċija kienet mietet fgata u minn dettalji li ħarġu, qabel is-serqa, il-ħallelin kienu qegħdin jixorbu l-każin Nazzjonalista tal-istess lokalità u damu nofs siegħa fid-dar fejn qelbu u serqu madwar elf lira Maltin.
Huma saħansitra qabadhom l-għatx u xorbu l-ħalib u anki pejpu sigarett.
Dan it-traċċi li ħallew kienu importanti biex ittieħdet id-DNA.
Mistoqsi anki dwar il-qtil tal-pulizija Roger Debattista waqt hold-up f’fergħa ta’ bank f’Ta’ Farsina, Ħal Qormi, Eddiet Attard jitkellem b’ċertu b’dettal fuq dak li ġara f’Novembru tal-elfejn u waħda.
Qal li dan kien każ rarissimu fejn pulizija nqatel biex issir is-serqa.
“Roger inqatel biex il-ħallelin biex iwettqu s-serqa, mhux inqatel Roger waqt li l-ħallelin kienu qegħdin jaħarbu.”
Dan l-aħħar każ li semma Eddie Attard kien qajjem xokk kbir fil-pajjiż.
Il-kuntistabbli, Roger Debattista kien sarlu funeral kbir wara li nqatel kiesaħ u biered fl-entratura tal-bank.
Il-ħallelin kienu serqu l-flus u ħarbu fejn ħallew il-karozza ‘l bogħod mill-bank u telqu b’karozza oħra.
Fil-karozza li ħallew, kien hemm il-flus li serqu bil-linka ħamra.
Bl-istess kulur ċappsu idejhom ta’ qtil innoċenti ta’ pulizija li kien qed jaqdi dmiru.