Kull kuridur u kantuniera huma miżgħuda b’rikkezzi ta’ diversi sekli u inkwilini li sas-sena l-oħra kienu għadhom joqogħdu f’din il-villa meraviljuża.
Villa Gwardamangia hija l-villa li ospitat lir-Reġina Eliżabetta fi żmien meta kienet għadha prinċipessa.
Iżda l-istorja wara din il-villa tmur lil hinn miż-żjarat tal-prinċipessa f’pajjiżna.
Kenneth Gambin, il-Kap tal-Operat ta’ Heritage Malta spjega li fil-verità ftit li xejn nafu x’kien jiġri f’din id-dar.
“Il-post kien privat sas-sena l-oħra, iġifieri informazzjoni kienet tal-familja, il-ftit li kien hemm. Hawnhekk kien abitat sas-sena l-oħra kienet toqgħod waħda mara waħedha u informazzjoni m’għandniex però hemm riċerka għaddejja, diġà bdejna nsibu affarijiet fl-atti notarili u f’arkivji oħrajn illi bil-mod il-mod nibdew ngħaqdu l-istampa” qal Gambin.
Minkejja l-istat ta’ telqa li tinsab fih il-villa għadha tiġbed l-għajn b’mod speċjali l-fdalijiet tal-pont fuq il-ġnien.
Gambin qal li “I-binja hija importanti minnha nnifisha. Hija skedata minħabba l-importanza tagħha storika u kulturali apparti l-preżenza li kien hawn tal-prinċipessa Eliżabetta. Ovvjament waħda mill-post l-iktar ikoniku huwa l-passaħħ elevat li kien hemm fil-ġnien. Dak naħseb huwa l-iktar ħaġa li tispikka f’din il-binja allavolja llum prattikament m’għadux hemm. Però żgur jerġa’ jiġi rikostruit ħalli nistabbilixxu l-atmosfera ġenerali li kien hemm fil-ġnien.”
Il-villa hija preżentament magħluqa għall-pubbliku iżda membri ta’ Heritage Malta kellhom l-opportunità esklussiva li jaraw u jmissu b’idejhom il-meravilji ta’ żmien ilu.
Gambin spjegalna li l-villa għandna bżonn dawra liema bħala imma jinsab fiduċjuż li fis-snin li ġejjin din il-villa tkun tista’ titgawda mill-pubbliku.
“Diffiċli għalissa ngħidu meta ħa jkun miftuħ għall-pubbliku inġenerali. Il-proċess huwa twil, il-ħsarat, il-bżonnijiet hawnhekk huma kbar u allura dan huwa proċess li ħa jieħu numru ta’ snin.”
Heritage Malta qiegħda toffri lill-pubbliku gwida virtwali tal-villa permezz ta’ din il-link. Dan filwaqt li kull min jixtieq isir membru ta’ Heritage Malta jista’ jagħmel dan permezz ta’ din il-link.