B’investiment dirett ta’ €320,000 fl-ekonomija Maltija, bħalissa għaddej il-ġbid tad-docudrama God’s Soldier.
Din il-produzzjoni li qed tinġibed fic-Cirkewwa u postijiet storiċi oħra f’pajjiżna, hija ambjentata fiż-żmien tal-Assedju l-Kbir. Minbarra l-element drammatiku, il-produzzjoni tinkorpora wkoll kummentarju ta’ storiċi u kuraturi minn Malta, it-Turkija, ir-Renju Unit u l-Ġermanja.
Fil-produzzjoni se jkunu qegħdin jidhru wkoll mapep animati, esebiti fil-mużewijiet ta’ pajjiżna kif ukoll l-arkivji storiċi ta’ pajjiżna.
L-iscript ta’ dan id-docudrama huwa bbażat fuq riċerka dettaljata sabiex tagħti stampa korretta u ġusta tal-avvenimenti li seħħew f’dak is-sajf imdemmi tal-1565.
Il-kast ta’ din il-produzzjoni huwa magħmul kompletament minn atturi u artisti Maltin, u minbarra x-xeni f’Malta se jinġibdu wkoll xi xeni fl-Awstrija, ir-Renju Unit u fit-Turkija.
God’s Soldier se jkun qed jintwera fil-Ġermanja, fl-Awstrija u fir-Renju Unit fost oħrajn, filwaqt li l-Maltin u l-Għawdxin se jkunu jistgħu igawdu din il-produzzjoni b’xeni spettakolari ta’ pajjiżna f’Diċembru ta’ din is-sena.