Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika kkonfermat li id-dħul tal-ħaddiema f’pajjiżna kien protett minkejja l-impatt ekonomiku li ħolqot il-pandemija fuq diversi pajjiżi.
Xhud ta’ dan huwa l-fatt li d-dħul tal-ħaddiema xorta kien €55 ogħla meta mqabbel mat-tieni kwart tal-2019.
Fi stqarrija, il-Gvern Malti spjega li d-daqqa ekonomika tal-pandemija ġiet riflessa fil-profitti tal-kumpanija u l-finanzi tal-Gvern.
Il-Gvern flimkien mas-sidien tan-negozji ġarrew il-piż finanzjarju flimkien u servew ta’ tarka għad-dħul ta’ eluf kbar ta’ ħaddiema.
Fil-fatt, il-profitti tan-negozji naqsu bi €315-il miljun u l-Gvern daħħal mija u għaxar €110 inqas f’taxxa. Dan filwaqt li ta s-sussidji li jammontaw għal €125 miljun.
Minkejja l-pandemija f’pajjiżna, fit-tieni kwart tas-sena, id-dħul tal-ħaddiema f’pajjiżna żdied bi kważi 4% grazzi għal diversi skemi mħejjija biex jissalvagwardjaw l-impjiegi.
Dan għall-kuntrarju ta’ diversi pajjiżi Ewropej fejn id-dħul tal-ħaddiema fi Spanja naqas bi 13%, fil-Ġermanja naqas b’4% u fir-Renju Unit u fl-Awstrija naqas b’1%.
Pajjiżna huwa wieħed mill-uniċi pajjiżi fid-dinja fejn fl-aħħar xahrejn il-qgħad naqas b’mod konsistenti.
Fl-istqarrija l-Gvern fakkar li għal parti kbira tat-tieni kwart, ħafna negozji kienu magħluqa, u t-turiżmu kien wieqaf għal kollox.
L-istqarrija temmet tgħid li permezz tal-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika ta’ €900 miljun, l-andament ekonomiku beda jirpilja u sostna li fil-baġit li ġej ser ikun qed iħabbar miżuri oħra bil-għan li jitjieb u jipproteġi d-dħul tal-ħaddiema u n-negozji.