Kien it-tmienja u għoxrin ta’ Awwissu elf sitt mija u sebgħin, propju tliet mija u ħamsin sena ilu meta l-Gran Mastru Nicholas Cottoner poġġa l-ewwel ġebla fuq il-Linja tal-Kottonera.
Din il-linja ta’ fortifikazzjoni tibda mill-Birgu, tgħaddi minn Bormla u tasal sal-Isla.
Din il-linja ta’ fortifikazzjoni, fuq disinn tal-inġinier militari Antonio Maurizio Valperga, bdiet tinbena fi żmien meta l-Imperu Ottoman rebaħ l-gżira ta’ Kreta u kien hemm il-biża’ li warajha kien imiss Malta.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Fondazzjoni Wirt Artna Mario Farrugia spjega magħna kif il-fortifikazzjoni fuq l-għolja Santa Margerita jduru madwar Bormla kellhom difett.
Is-Sur Farrugia spjega: “Kien għaliex il-Kavallieri rrealizzaw li l-linja ta’ Santa Margerita dik li ddur ma’ Bormla, din kienet dominata minn teritorju jew art illi li huwa aktar għoli. Jiġifieri f’każ ta’ assedju, l-għadu seta’ faċilment jokkupa l-ispazju li llum huwa okkupat mill-Cottonera Lines u jiddomina l-linja Margerita.”
B’kollox il-Firenzuola u l-Cottonera Lines damu mitt sena biex tlestew. Fl-aqwa tagħhom il-Firenzuola u l-Cottonera Lines kellhom 1500 kanun biex iħarsuhom.
Dawn il-linji tad-difiża involvew spejjeż kbar min-naħa tal-Kavallieri u kellhom isiru taxxi fuq il-Maltin biex jitħallsu l-ispejjeż.
Huwa sostna: “Ir-raġuni ewlenija għala nbniet il-linja Kottonera kienet din għaliex it-Tliet Ibliet partikolarment tħarishom aħjar mill-eventwalità ta’ Assedju, fejn kienu se jużaw artillerija aktar b’saħħitha u sabiex tikkoreġi żball illi ndunaw bih wara fejn tidħol il-Linja Margerita.”
Qal kif permezz ta’ din il-linja l-ġdida, il-Kavallieri ħasbu sabiex jilqgħu għall-iżviluppi li bdew iseħħu fl-artillerija u l-porvli.
Huwa kompla jgħid: “Din meta kienet qed tinbena hi diġà l-arkitettura diġà kienet qed tinbidel għaliex kienet qegħda twieġeb għall-eventwalitajiet dejjem jiżvillupaw ġodda fit-teknoloġija militari, jiġfieri kienu jipperfezzjonaw il-porvli, qed jagħmlu kanuni aħjar, jibdlu l-istrateġija.”
Tliet mija u ħamsin sena ilu ienet saret purċissjoni, fejn bdiet mill-Knisja ta’ Bormla sa fejn illum hemm il-Bastjun ta’ San Nikola. F’din il-purċissjoni, il-Gran Mastru Cottoner żamm id-driegħ mirakuluż ta’ San Ġwann il-Battista, bl-istess Gran Mastru qiegħed l-ewwel ġebla.
Intant, aktar kmieni din is-sena l-Ministru għall-Kultura Josè Herrera ħabbar li b’investiment ta’ aktar minn seba’ miljun ewro se jsir restwar ta’ dawn il-linji tas-swar, flimkien ma’ proġetti oħra fil-Kottonera.