Fuq ix-xandir nazzjonali, il-kandidat għall-elezzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, u ż-żiemel tal-fazzjoni tal-Eks Kap Simon Busuttil, Bernard Grech indika li kemm il-darba huwa jilħaq Kap tal-Partit huwa se jkun qed iqaċċat waħda mill-fergħat taż-żgħażagħ li teżisti fil-Partit Nazzjonalista.
Grech qal, “Iż-żgħażagħ qegħdin f’żewġ għaqdiet għaliex jeżistu żewġ għaqdiet. M’għandux għalfejn jeżistu żewġ għaqdiet.”
Fil-Partit Nazzjonalista, iż-żewġ fazzjonijiet għandhom għaqda taż-żgħażagħ kull waħda leali lejhom.
Il-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista, l-MŻPN hija għaqda leali lejn il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil tant li tellqet kampanja biex Delia jitlaq filwaqt li l-għaqda TeamStart hija għaqda oħra taż-żgħażagħ Nazzjonalisti li ħoloq Delia meta laħaq Kap u ddoqq it-trumbetta tiegħu.
Intant aktar ma beda jgħaddi l-programm spikkat in-nuqqas ta’ preparazzjoni ta’ Bernard Grech li qal li għad m’għandux lest, programm ta’ proposti.
Il-preżentatur tal-programm saqsa, “X’jinkludi l-programm tiegħek? S’issa ma tantx smajna affarijiet.” u Grech wieġeb, “Jiena miniex se nsemmi individwalita ta’ proposti għaliex dan huwa programm li għadu qed jiġi żviluppat.”
Mistoqsi dwar is-siġġu parlamentari, Grech qal li m’għamel arranġament ma ħadd.
“Għandek xi arranġament jew le?” Saqsa l-preżentatur u Grech wieġeb, “Jiena naħseb li din id-domanda hija ġa riżolta. Jiena m’għamilt arranġament ma ħadd.”
Dwar il-kwistjoni tal-immigrazzjoni wkoll ma kellux soluzzjonijiet x’jagħti.
Il-preżentatur saqsa, “L-immigrazzjoni suġġett jaħraq f’pajjiż bħal Malta. Għandek xi forma ta’ soluzzjoni?” u Grech wieġeb, “Is-soluzzjonijiet ma jsirux hekk taqbad u tiftaħ riċetta u titfagħha u tagħmel cake għax inkella nagħmlu pudina u mhux cake.”
In-nuqqas ta’ preparazzjoni ta’ Grech saħansitra dehret fil-mod ta’ kif jagħżel il-kliem tiegħu.
Meta kien mistoqsi dwar il-pandemija f’pajjiżna Grech irrepeta kważi kelma b’kelma dak li qal il-Prim Ministru Robert Abela, il-Ħadd li għadda.
Grech qal, “Ma jistax ikollok saħħa mingħajr ekonomija u ma jistax ikollok ekonomija mingħajr saħħa.”
Dwar l-aġir tad-deputati li sfiduċjaw lill-Adrian Delia u jekk jibżax li dawn jagħmlu l-istess lilu, Bernard Grech ma tantx għamel il-qalb lit-tesserati.
“Jekk dawn in-nies ma jridux jaħdmu miegħek u joqgħodu jagħmlulek il-bsaten fir-roti l-ħin kollu ma tiddejjaqx li tista’ tispiċċa fl-istess sitwazzjoni li spiċċa hu?” Saqsa l-preżentatur. “Ara kollox huwa possibli.” Qal Grech.