Fil-Knisja ta’ San Publiju fil-Floriana ġiet inawgurata pittura ġdida fil-Kappellun tar-Rużarju, li jinsab fin-naħa tax-xellug tal-artal.
Dawn il-pitturi f’din il-parti tal-Knisja huma x-xogħol tal-artist Għawdxi John Grima, li tirrapreżenta lil San Publiju f’żewġ ġrajjiet fil-ħajja tiegħu. L-akbar pittura f’din Kappellun turi x-xena meta San Pawl wasal f’Malta u ngidem mil-ligħfa, filwaqt li pittura oħra turi meta San Pawl fejjaq lil missier San Publiju.
Fl-erba’ lunetti hemm rappreżentazzjoni tal-virtujiet ta’ fidi, tama, verità u purità, waqt li mat-twieqi hemm l-isfqijiet awżiljarji Gaffiero u Portelli u ż-żewġ isfqijiet ta’ qabel Monsinjur Charles Scicluna, jiġifieri Monsinjur Ġużeppi Mercieca u Monsinjur Pawlu Cremona.
Dwar dawn il-pitturi, ONE News tkellem mal-Arċipriet tal-Floriana Dun Charles Cini li qal kif il-pittura tas-saqaf fin-nofs saret fis-sittinijiet mill-artist Envin Cremona, iżda imbagħad ma sarux il-pitturi fil-Kappelluni minħabba raġunjiet finanzjarji.
“Għalhekk wara li għadda ż-żmien u kellna l-Kappelluni li kienu vojta mingħajr il-pitturi kien hemm ix-xewqa li rridu nagħmluhom. Ovjament Envin Cremona ma għadux magħna u daħal għaliha u nistgħu ngħidu b’sodisfazzjon il-pittur Għawdxi John Grima, li għamel xebh ma’ dak li hemm ta’ Cremona u anke għamel l-istill tiegħu”
Din hija parti mill-ewwel fażi ta’ dan il-proġett, hekk kif issa beda x-xogħol fuq il-Kappellun tal-Kurċifiss. L-akbar pittura li se ssir mill-artist Għawdxi se tkun meta San Publiju sellem lil San Pawl, meta hawnhekk laħaq l-ewwel Isqof ta’ Malta.
Dawn il-pitturi fil-Kappellun tar-Rużarju ntlaqgħu bil-kbir mill-parruċċani Furjaniżi hekk kif ix-xewqa tagħhom li t-tempju tagħhom ikompli jiżżejjen dejjem tibqa’.