L-istorja u l-istqarrija tal-Kap tal-Oppożizzjoni dwar parti mill-proġett tal-enerġija mhi xejn ħlief ħrafa oħra fil-kullana ta’ ħsara li qed jipprova jagħmlu lill-proġett li wassal biex jorħsu l-kontijiet.
Fi stqarrija l-Gvern spjega li l-proġett ta’ Delimara huwa proġett li qed isir mis-settur privat, u l-Gvern bl-ebda mod m’għandu x’jaqsam mal-għoti ta’ xi kuntratti mill-konsorzju privat lil terzi.
Dwar dan il-Gvern dalgħodu talab informazzjoni mill-Konsorzju Electrogas dwar dan. Il-Konsorzju Electrogas ikkjarifika illi kien hu li qabbad lill-kumpanija Vryhof biex tiddisinja, tissupplixxi u tinstalla s-sistemi tal-ankri għall-Floating Storage Unit.
Il-Gvern spjega li l-kumpanija Vryhof qabbdet kuntrattur ieħor, Ocean Installer, biex jissupplixxi l-ktajjen tal-mooring. Il-kumpanija Ocean Installer qabbdet kumpanija Ċiniża biex tissupplixxi partijiet mill-materjal tal-ktajjen tal-mooring.
Il-produttur Ċiniż qabbad kumpanija tax-shipping internazzjonali biex dan il-materjal jiġi trasportat. Il-kumpanija tax-shipping għandha aġent Malta.
It-tiġbid u taħwid fil-fatti juru li Simon Busuttil tilef l-argument kollu dwar is-settur tal-enerġija.
Permezz ta’ dan il-proġett, pajjiżna ser ikollu arja iktar nadifa u t-trabijiet fl-arja se jonqsu b’90%. Dan il-proġett mhux biss ser ifisser arja iktar nadifa, imma kontijiet orħos, xi ħaġa li l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern, inkluż il-Kap tal-Oppozizzjoni stess, kien dejjem itenni li hija impossibbli.