Jum qabel seħħ id-delitt, Salvu Dalli kien għamel rapport mal-pulizija li ibnu kien heddu li se joqtlu. Dan ħareġ fil-Qorti hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda b’rabta mal-qtil ta’ Antoine Dalli, li bih qed ikun akkużat missieru Salvu Dalli, magħruf bħala d-‘Danger Man’.
Il-Qorti semgħet kif il-familja Dalli kienet mifruda minħabba kwistjonijiet li ta sikwit kien ikollhom fuq flus. Filfatt quddiem il-Maġistrat Marsanne Farrugia, instema’ kif l-akkużat u l-vittma tlewmu kemm-il darba fuq flus.
Tul is-seduta xehdu sitt uffiċjali tal-Pulizija dwar l-investigazzjonijiet. Instema’ kif Antoine Dalli kien inqabad fil-pussess ta’ senter bil-lejl. Huwa kien wieġeb li ma kienx jaf ta’ min hu. Kuntistabbli ieħor irrakkonta kif fl-14 ta’ Lulju kien hu li mar fid-dar tal-akkużat f’Ħal Għaxaq meta dan kien keċċa lil ibnu mid-dar. Stqarr li dakinhar ma kienx hemm ġlied jew tgħajjir bejn it-tnejn.
Il-Qorti ddeċidiet ukoll dwar it-talba għall-ħelsien mill-arrest. L-ispettur Keith Arnaud li qed imexxi l-prosekuzzjoni, fakkar fil-karattru problematiku tal-akkużat fid-dawl li ntalab isirlu eżami psikoloġiku. Fakkar ukoll li dan anke minħabba l-fatt li huwa kien aggredixxa persuna b’sikkina fiż-Żejtun fi Frar li għadda. Għaldaqstant, il-Qorti ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest.