Il-Ministeru għall-Kultura u l-Wirt Nazzjonali ta s-somma ta’ erbgħin elf ewro biex jintefqu fil-proġett tal-ark storiku fil-Furjana li jintrama għall-festa ta’ San Publiju.
Dan wara li f’April tas-sena l-oħra, l-ark kien ġie vvandalizzat u nqered għal kollox, u issa jeħtieġ li jinbena mill-ġdid.
L-Arċipriet tal-Furjana spjega li bis-somma ta’ ħamsin elf ewro li kienet ingħatat mill-Fond tal-Kawżi Ġusti tal-Gvern, jiem wara li seħħet it-traġedja, kien għamel kuraġġ biex jibda l-proġett tal-bini mill-ġdid tal-ark.
Issa, din is-somma mill-Ministeru tal-Kultura, se tagħti spinta lix-xogħol biex ikompli jintensifika, għaliex il-parroċċa teħtieġ l-għajnuna tal-Gvern biex twettaq dan il-proġett.
“Dan huwa proprju bini mill-ġdid, xtrajna l-injam u kellna wkoll nippjantaw fuq il-pjanta li sibna antika u noħorġuha iktar 3-Dimensional biex ikollna l-qisien eżatti u mill-ġdid qegħdin nerġgħu nibnu dak li kien qabel.”
Il-Ministru Josè Herrera qal li l-ark għandu preġju artistiku, patrimonjali u tradizzjonali, li jixraqlu li jkun restawrat.
“Aħna mhux sempliċiment ħa nagħtu l-flus, għax meta tagħti l-flus ħafna drabi ma jkollokx kontroll ta’ kif jintefqu allura qed nippruvaw inħaddmu policy li nagħtu l-flus però nikkordinaw ukoll ix-xogħol u nsegwu x-xogħol biex naraw li jsir eżatt kif nixtiequ aħna.”