Il-karkassi tat-tonn u dehriet ta’ tonn midrub f’dan iż-żmien huwa kawża ta’ sajd illegali u l-kummerċ illegali li jsir fuq l-art għat-tonn.
Dan stqarritu l-Federazzjoni Maltija tal-Produtturi tal-Akwakultura, l-FMAP wara diversi ritratti u filmati ta’ tonn midrub barra l-kosta tax-Xgħajra.
L-FMAP irrimarkat li l-istaġun tas-sajd għat-tonn għalaq.
Il-federazzjoni esprimiet tħassib għas-sajd illegali u s-serq tat-tonn mill-gaġġeġ tal-irziezet tal-ħut.
Qalet li dan iwassal għall-problemi fis-sostennibiltà u l-konservazzjoni tal-ispeċi tat-tonn.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Federazzjoni Maltija tal-Produtturi tal-Akwakultura Dr. Charlon Gouder irrikonoxxa li l-awtoritajiet qed jikkontrollaw l-illegalitajiet u kif dawn l-istess illegalitajiet ta’ x’uħud m’għandhomx jirreflettu ħażin fuq min b’mod responsabbli jaħdem f’din l-industrija.