“Id-Direttivi tal-UĦM f’dan iż-żmien sensittiv qed jagħmlu ħsara irreparabbli lill-uliedna.”
Dan kien is-sentiment li qassmet magħna Rebecca Bonello, omm tifel b’diżabilità, dwar id-direttivi li qed ikunu imposti mill-UĦM f’dan iż-żmien. Direttivi li qed jaraw lil numru kbir ta’ tfal b’diżabilità ma jingħatawx it-terapija li għandhom bżonn.
Rebecca stqarret li wara żmien fejn minħabba l-pandemija twaqqfet it-terapija u kienet tingħata biss permezz ta’ mezzi virtwali, it-tfal kienu ħa jerġgħu jibdew jieħdu r-ruħ hekk kif it-terapija kienet se terġa’ tibda tingħata b’mod normali. Madankollu stqarret li l-UĦM waqfet kollox bid-direttivi li introduċiet.
Dan wassal biex il-ħidma u s-sagrifiċċji li għamlu l-ġenituri ma’ dawn it-tfal flimkien mal-professjonisti nfushom qed jisfuma fix-xejn.
Hija kompliet tgħid: “Kif konna ħa nerġgħu niġu għan-normal, ħarġu dawn id-direttivi jiġifieri għandna t-tfal li issa ilhom xhur twal bla terapija li hija essenzjali għalihom, hi xi ħaġa ta’ kuljum u qed titfa’ ħafna u ħafna tfal lura. Jiġifieri l-parents spiċċaw bla gwida ta’ xejn u t-tfal sfortunatament, dak li ħdimna tant għalih qed jispiċċa jkollu jmur mar-riħ.”
Hija stqarret li l-UĦM b’dawn id-direttivi qiegħda tkisser direttament lill-ġenituri. Dan tant li bosta ġenituri qed ikollhom jerfgħu piż finanzjarju kbir biex jjirrikorru għal servizzi mogħtija mill-privat sabiex ma jarawx lit-tfal tagħhom jaqgħu lura.
Rebecca kompliet tgħid: “Iktar qed ikissruna bħala ġenituri sfortunatament. Li ma jagħmlux ‘reviews’ u ma jagħmlux ċertu affarijiet ‘iva’ però li jħallu lit-tfal mingħajr terapija ‘it’s not on, I’m sorry’.”
Sefora Tabone, omm ta’ tifel fuq l-ispettru tal-awtiżmu wkoll qassmet l-esperjenza tagħha permezz ta’ messaġġ fuq facebook.
Hija saħqet: “It-tifel kedda kbira qelbilha kull m’hemm għax la daħal hemm irid is-session u daħal għas-session għax ovjament is-setup jaf x’inhu u jaf li se jidħol jagħmel is-session. It-tifel ovvjament bagħatitna l-barra għax din m’għandiex tort lanqas, skont id-direttiva trid timxi. Mhux biżżejjed batew dawn it-tfal, mhux biżżejjed waqfitilhom ir-rutina, mhux biżżejjed waqfitilhom l-iskola. Għaliex qed inkomplu ngħaddduhom minn din it-tbatija. X’inhi r-raġuni li qed ngħadduhom minn din it-tbatija lil dawn it-tfal.”
Rebecca Bonello appellat sabiex f’dawn id-direttivi ma jintużawx it-tfal bħala għodda biex l-imsieħba soċjali jiġġieldu l-ġlieda tagħhom.
Hija qalet: “Nemmen li kulħadd għandu d-dritt jiġġieled għad-drittijiet tiegħu però li ndaħħlu t-tfal fin-nofs u nilagħbu bil-ħajja tagħhom, ma naħsibx li huwa sew. Issa jekk vera l-UĦM jinteressaha wkoll mit-tfal tagħna u l-wellbeing tat-tfal tagħna, ma tiħux dawn iċ-ċertu passi, u tkisser il-familji u tkisser ukoll lit-tfal tagħna għax iż-żmien li qed jintilef issa qatt mhu se nġibuh lura.”
Intant, fi stqarrija, il-kummissjoni għad-drittijiet tal-Persuni b’diżabbilità wriet it-tħassib tagħha għad-direttivi tal-unjin li reġgħu waqfu t-terapija għat-tfal b’diżabblità.