Salvu Dalli, li qed jiġi akkużat bil-qtil ta’ ibnu Antoine Dalli, qal lil pulizija li lil ibnu kien iħobbu ħafna. Kien jgħinu ħafna, kellu l-vizzju tad-droga u kien imur miegħu l-laqgħat tal-Caritas sabiex jgħinu jegħleb il-vizzju tad-droga.
Xehed dan l-ispettur Keith Arnaud fil-bidu tal-kumpilazzjoni tal-każ tad-delitt li seħħ fis-sebgħa t’Awwissu.
Arnaud qal li fl-interogazzjoni, Salvu Dalli magħruf bħala d-‘Danger Man’ qallu li kien anki jagħti l-flus lill-ibnu u lis-sieħba tiegħu sabiex jixtru l-affarijiet bażiċi fosthom affarijiet liż-żewġ uliedhom ċkejknin.
L-imputat stqarr mal-ispettur Arnaud, li ibnu kien jitrattah ħażin ħafna. Kien isawtu u kien jgħidlu kliem bħal ‘nobgħodok’ u ‘miġnun’.
Fil-Qorti ntqal li darba l-iben qal lil missieru, “qabel noqtlok ma noqgħodx kwiet”.
Arnaud qal li Salvu qal li Antoine saħansitra kien jgħidlu li jekk joqtlu, kien se jispiċċa l-ħabs u l-ħabs għandu l-ħbieb li jpattuhielu.
Saħansitra fis-sitta ta’ Lulju, Salvu Dalli għamel rapport lill-pulizija li ibnu tah daqqa ta’ ponn u qed jagħmilha ma’ kumpanija ħażina.
Filfatt fil-Qorti ngħad li l-pulizija ħarġet akkużi fil-konfront ta’ Antoine Dalli u dawn kienu se jibdew jinstemgħu fis-seduti tad-distrett.
Dan filwaqt li mal-pulizija Antoine Dalli qal li missieru kien ħebb għalih.
Dakinhar tas-sebgħa ta’ Awissu, ftit ħin qabel l-omiċidju, ħu Antoine, Sylvan Dalli, kien għamel rapport li ħuh beda jibgħatlu messaġġi ta’ theddid.
Uffiċjal tal-pulizija Stephen Gulia, xehed li mara li kienet qiegħda tipparkja quddiem ir-residenza ta’ Dalli f’Ħal Għaxaq qalet lil pulizija li rat raġel ġej b’rota, kien panikuż u mgħaġġel, daħal fid-dar u ftit wara semgħet ħoss ta’ sparatura.
Fil-fatt l-ispettur Keith Arnaud, irrakkonta li Salvu qallu, li dakinhar tad-delitt, ibnu beda jgħajjat minn barra, “illum noqtlok żgur” filwaqt li sgassa il-bieb u daħal fid-dar.
Qal li l-anzjan qabad is-senter f’idu għax beża’. Ibnu qabeż fuqu u l-missier għafas il-grillu. Mat-tir, l-ispettur irrakkonta li l-vittma waqa’ mal-art imma b’xi mod, il-vittma rnexxielu jimxi u jidħol fid-doċċa. Antoine Dalli kellu feriti fiż-żokra.
Salvu, mar għand il-ġirien tiegħu bis-senter f’idu, u qalilhom biex iċemplu lill-pulizija u għall-ambulanza għax kien għadu kif qatel lill-ibnu.
L-ispettur Fabian Fleri, kien l-ewwel li wasal fuq il-post. Xehed li Salvu Dalli kien fil-gallarija
L-ispettur Fleri qal li fuq ix-xena tad-delitt, Salvu Dalli qallu l-kliem, “din ilha ġejja” u li l-missier staqsa jekk ibnu mietx.
L-ispettur Keith Arnaud, xehed li kif wasal fir-residenza f’Ħal Għaxaq, sab l-arma tan-nar fuq is-sodda u fil-kamra tal-banju kien hemm sink mimli bl-ilma u d-demm.
Arnaud xehed, li meta tkellem mas-sieħba ta’ Antoine, din qaltlu kif il-missier, mar jgħix iż-Żurrieq u ħalla d-dar tiegħu f’Ħal Għaxaq lil ibnu Antoine biex jgħix fiha flimkien magħha u ma uliedu iżda tliet ġimgħat qabel seħħ id-delitt, Salvu Dalli keċċa lil Antoine mir-residenza ta’ Ħal Għaxaq u ma ħallihx jgħix iktar hemm. Minkejja dan, Salvu ħalla lis-sieħba ta’ Antoine u lit-tfal tal-koppja jgħixu hemm.
Ingħad kif fl-ewwel t’Awissu, meta Salvu keċċa lil ibnu mid-dar, is-sieħba kienet talbet l-għajnuna tal-pulizija biex jiġbru l-affarijiet mid-dar.
Antoine Dalli u familtu kienu marru jgħixu f’razzett f’Ħal Għaxaq.
Fil-Qorti ngħad li sagħtejn qabel id-delitt is-sieħba tiegħu qalet lil Antoine li se tmur tgħix għand ommha u dan ħadha ħażin ħafna.